​32 jsibu kanċer wara testijiet b’xejn permezz tal-programm nazzjonali

Bejn Jannar u Mejju, seba’ persuni nstabilhom kanċer tal-musrana l-kbira u 25 mara sabu bidu ta’ kanċer tas-sider wara li għamlu t-testijiet b’xejn mogħtija mis-servizzi tas-saħħa f’Malta permezz tal-Pjan Nazzjonali dwar il-Kanċer.
Il-Ministru tas-Saħħa Konrad Mizzi qal dan fil-Parlament fi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari.
Il-programm nazzjonali tal-iscreening għall-kanċer tal-musrana l-kbira qed isejjaħ għal testijiet b’xejn lil dawk li għandhom bejn 60 u 64 sena.
Bejn Jannar u Mejju, ħadu sehem 36.7% biss ta’ 3,252 persuna li saritilhom l-istedina biex jieħdu sehem fil-programm.
Il-programm ta’ screening għall-kanċer tal-musrana jsegwi dak ta’ testijiet għall-kanċer tas-sider fin-nisa, li issa jinsab fit-tieni ċiklu ta’ tliet snin.
Bejn Jannar u Mejju, ħadu sehem 51.2% ta’ 6,216-il mara li ġiet mistiedna għat-testijiet b’xejn.
Minn mindu beda l-programm ta’ testijiet għall-kanċer tas-sider, instabu 250 każ ġdid.
Il-Programm Nazzjonali mniedi fl-2011 jinkludi wkoll prevenzjoni għall-kanċer tal-għonq tal-utru b’tilqim li jingħata lil tfajliet. Minn dawk kollha li ġew mistiedna għat-tilqim bejn Jannar u Mejju, 82.3% wieġbu għall-ewwel tilqima, 91% wieġbu wkoll għat-tieni tilqima u 96.3% temmew il-kors ta’ tilqim.