32 tifel inħelsu minn gruppi armati fis-Sudan t’Isfel

Tfal fis-Sudan t'Isfel jipprotestaw kontra l-gwerra

Grupp ta’ 32 tifel inħelsu minn gruppi militanti li qed jiġġieldu kontra l-Gvern tas-Sudan t’Isfel wara li kienu ħatfuhom aktar minn tliet snin ilu.

Is-subien ta’ bejn it-13 u s-17-il sena, ħafna minnhom ilhom ma jaraw lill-ġenituri u l-familjari tagħhom mill-2016 meta reġa’ faqqa l-ġlied bejn il-Gvern u gruppi tal-Oppożizzjoni fil-pajjiż li hu l-aħħar stat li twaqqaf.

It-tfal kollha kienu sfurzati jaħdmu bħala suldati jew jagħmlu xogħol paramilitari fl-oppożizzjoni armata tas-Sudan t’isfel.

Tfal Suldati 

Skont il-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (UNICEF) din kienet l-ewwel darba li grupp ta’ tfal inħeles formalment fl-Istat ta’ Unity, żona l-aktar milquta mill-ġlied.

Minn meta beda l-ġlied f’dan il-pajjiż fl-2013, il-UNICEF għenet biex inħelsu 3,143 tifel u tifla minn idejn il-gruppi armati tal-oppożizzjoni.

Madankollu din l-Organizzazzjoni ssostni li għad hemm madwar 19,000 tifel u tifla oħra li qed jintużaw minn diversi gruppi armati f’dan il-pajjiż mifni bil-gwerra.

Programmi ta’ integrazzjoni

L-aġenzija tal-aħbarijiet tal-Vatikan irrappurtat li wara li nħelsu nhar l-Erbgħa li għadda, it-tfal kienu reġistrati fi programm ta’ rintegrazzjoni li se jdum tliet snin u li għandu l-appoġġ tal-UNICEF.

Immedjatament dawn it-tfal se jkunu provduti bl-għajnuniet bażiċi li għandhom bżonn fosthom ikel, ilma, ħwejjeġ u affarijiet meħtieġa għall-iġjene tagħhom.

Barra minn dan it-tfal se jingħataw edukazzjoni formali jew vokazzjonali u għajnuna psikosoċjali biex tgħinhom jitgħallmu kif jegħlbu l-esperjenzi trawmatiċi li għaddew minnhom fl-aħħar snin. Kull wieħed mit-tfal se jkun akkumpanjat u megħjun minn ħaddiem soċjali tul it-tliet snin tal-programm.

Ir-rwol tal-UNICEF

“L-użu tat-tfal fi gruppi armati jikser kull dritt tat-tfal,” qal ir-rappreżentant tal-UNICEF fis-Sudan t’Isfel. “Dawn it-tfal kienu mċaħħda minn tfulithom u raw b’għajnejhom affarijiet li ebda tifel ma kellu qatt jara. Iżda mhux tard biex ikollhom futur. Ir-rintegrazzjoni tieħu ż-żmien u għandha prezz imma fl-aħħar tagħti riżultati tajba u tgħin lit-tfal biex ma jirritornawx fi gruppi armati.”

L-UNICEF qed tkompli titlob għal appoġġ għall-programmi tagħha ta’ rintegrazzjoni biex tgħin lit-tfal meħlusa jibnu futur għalihom infushom.