“318-il sit tal-kostruzzjoni jkomplu b’xogħolhom” – Borg

Ritratt: Arkivji

Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal li 318-il sit tal-kostruzzjoni komplew b’xogħolhom fl-aħħar jumejn hekk kif il-periti ta’ dawn il-proġetti applikaw Artiklu 26 tal-Avviż Legali għax iċċertifikaw li ma kienx hemm periklu għall-propjetà ta’ terzi li jmissu mas-sit.

Dan ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet dwar l-iżviluppi li saru mir-Riforma tas-Settur tal-Bini u tal-Kostruzzjoni li daħlet nhar it-Tlieta. Dan wara sensiela ta’ inċidenti fejn binjiet residenzjali li kienu maġenb sit ta’ kostruzzjoni, fil-Mellieħa, fil-Ħamrun u fi Gwardamanġa spiċċaw iġġarrfu, allegatament minħabba negliġenza min-naħa tal-ħaddiema.

Dan l-Avviż Legali ġab kritika minn entitajiet konċernati fl-industrija fejn il-Kamra tal-Periti qalet li l-Avviż Legali li ħareġ il-Gvern, bi ksur tar-regoli, iżid il-konfużjoni dwar ir-responsabbilitajiet. Min-naħa tagħha, l-Awtorità tal-Iżviluppaturi Maltin qalet li site managers li jirrappreżentaw lill-kuntrattur fuq sit ta’ kostruzzjoni għandhom ikunu nies tekniċi kkwalifikati. Qalet li m’għandhomx bżonn ikunu perit bil-warrant.

Aqra: L-Avviż Legali dwar il-kostruzzjoni jżid il-konfużjoni – Kamra tal-Periti

“Opportunità biex il-bennejja jirregolaw ruħhom”

Il-Ministru Borg kompla jgħid li min-naħa tal-bennejja se tingħata l-opportunità lil dawk li għandhom liċenzja u ma kinux regolari fil-ħlas biex issa jirregolarizzaw l-arretrati kollha filwaqt li bdiet ħidma biex ikun hemm reġistru tal-kuntratturi b’kollaborazzjoni mal-Malta Developers’ Association.

Kompla jispjega li l-kuntratturi se jibqgħu responsabbli għas-saħħa u għas-sigurtà u għall-użu tal-apparat mill-ħaddiema fuq is-sit tal-kostruzzjoni inkluż l-użu ta’ crane.

“Smajna lil kulħadd” – Chris Agius

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar Chris Agius qal li l-Gvern jemmen fid-djalogu u fid-diskussjoni u b’hekk poġġa u sema’ l-mistoqsijiet ta’ kulħadd.