317-il kilo majjal ikkonfiskat minn razzett fir-Rabat

Read in English.

Waqt spezzjoni li wettaq id-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja f’razzett tal-majjali u tat-tiġieġ tas-simna fil-limiti tar-Rabat, instabu kontenituri b’diversi fdalijiet mill-intern ta’ majjali kif ukoll intern u ġlud ta’ ruminanti żgħar li jindikaw allegat ksur ta’ diversi liġijiet, fosthom dawk relatati mal-qtil tal-annimali kif ukoll mat-trattament xieraq u mal-ħarsien tal-annimali.

Stqarrija tal-Gvern tgħid li din is-sejba saret ilbieraħ. F’aktar tfittxijiet li saru fuq il-post bħala parti minn din l-investigazzjoni nstabu kontenituri oħra mimlijin bil-biċċiet ta’ karkassi ta’ majjali ffriżati. L-ammont ta’ din is-sejba tlaħħaq b’kollox għal madwar 317kg ta’ materjal li ġew ikkonfiskati mill-uffiċjali tad-Direttorat.

B’din is-sejba ġiet infurmata l-Pulizija, li assistiet lill-uffiċjali fuq il-post. L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin filwaqt li r-razzett qed ikun issorveljat mill-uffiċjali tad-Direttorat.

Id-Direttorat fakkar lill-pubbliku li laħam u prodotti relatati għandhom jinxtraw biss minn stabbilimenti awtorizzati.