31,400 igawdu minn tal-linja b’xejn

Aktar minn 31,400 individwu li għandhom bejn l-14 u l-20 sena u dawk ‘il fuq minn 21 sena li qed jistudjaw fuq bażi full-time qed igawdu minn trasport pubbliku b’xejn. Għal din l-inċentiva qed jiġu investiti €1.6 miljun mill-Gvern.

F’sitt xhur, iż-żgħażagħ għamlu kważi 3.8 miljun vjaġġ. Matul l-ewwel sitt xhur il-persentaġġ ta’ żgħażagħ li għamlu użu minn din l-inċentiva kien ta’ 12%  aktar mis-sena ta’qabel.

Fl-attività tal-Isle of MTV madwar kwart ta’ dawk li marru użaw it-trasport pubbliku f’direzzjoni wħada.

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg qal, “Dawn ir-riżultati juruna li ż-żgħażagħ lesti jagħmlu użu mit-trasport alternattiv speċjalment meta l-Gvern qiegħed jiffaċilita dan billi qed joffri dan is-servizz mingħajr ħlas.” Żied li l-Gvern huwa kommess li jkompli jinċentiva t-trasport pubbliku u hemm ħsibijiet u pjanijiet aktar nies jibbenefikaw minn din il-miżura.