31,000 adult u student iżuru attrazzjonijiet storiċi – Bonnici

Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici ħabbar kif wara 100 ġurnata mit-tnedija tal-Passaport ta’ Heritage Malta, mas-7,000 student ġabru l-passaport filwaqt li total ta’ 31,000 adult u student żaru l-attrazzjonijiet u s-siti tal-Aġenzija.

Bonnici sostna li permezz ta’ dawn l-inizjattivi qed jiġu pprovduti aktar modijiet biex il-ġenerazzjoni żagħżugħa jkollha aċċess aktar faċli għall-wirt u l-kultura tal-pajjiż.

Il-passaport ta’ Heritage Malta jagħti studenti li għandhom għal qalbhom il-kultura aċċess b’xejn u bla limitu għalihom u żewġ adulti fil-mużewijiet u s-siti kollha tal-Aġenzija, ħlief l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni. Dan huwa mmirat għall-istudenti kollha li jattendu l-iskejjel primarji u sekondarji, kemm dawk tal-istati, kif ukoll dawk indipendenti u tal-Knisja.