Read in English.
Il-grupp Occupy Justice ħejja filmat li jimmarka il-31 xahar mill-assassinju tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia.
Il-filmat li kien ippubblikat fuq il-paġna ta’ Facebook tal-grupp juri fil-qosor kif il-monument tal-Assedju l-Kbir sar simbolu permanenti ta’ protesta u għajta għall-ġustizzja għal Caruana Galizia u l-istejjer tagħha.
Minħabba l-pandemija tal-coronavirus, il-vġili ta’ kull xahar ma setgħetx tibqa’ ssir fil-Belt Valletta. Minflok, il-pubbliku u l-attivisti sabu mod kif jikkommemoraw il-memorja tal-ġurnalista u fl-istess waqt ikomplu bl-għajta tagħhom għall-ġustizzja.
Waħda mill-inizjattivi li qed jieħu l-pubbliku huwa li jixgħel xemgħa bħala tfakkira tal-ġurnalista, fis-7.30pm illum. Is-soltu il-vġili sseħħ kull 16 tax-xahar. “Irridu ġustizzja u t-tmiem tal-impunità,” kitbet persuna fuq Facebook.
Intant, illum waranofsinhar, attivisti mhux magħrufa dendlu sinjal quddiem l-uffiċċju tal-Prim Ministru. Min-naħa l-oħra, il-cartoonist Seb Tanti Burlo ħabbar li 60% tal-bejgħ mill-arti tiegħu tal-linja Fjuri ta’ Malta se tingħata donazzjoni lil The Daphne Caruana Galizia Foundation.
Intant, l-NGO Repubblika ppubblikat ritratt tal-ġurnalista investigattiva annessa ma’ poeżija ta’ Maya Angelou u se tkun qed ittella’ programm speċjali fuq il-paġna ta’ Facebook fis-7.30pm. Il-programm se jkun ippreżentat mill-eks preżentatur tat-TV u r-radju Norman Vella u se jipparteċipaw il-ġurnalist tal-MaltaToday Matthew Agius, Louiselle Vassallo, Manuel Delia u d-Direttur ta’ Reporters Without Borders Rebecca Vincent.