31% tat-tfal ta’ 3 snin f’riskju ta’ ħsara fis-snien

31% tat-tfal li għandhom tliet snin huma f’riskju li jiżviluppaw ħsara fi snienhom. Dan filwaqt li 10% minnhom diġà għandhom bżonn trattament tas-snien.
Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne waqt il-Konferenza Annwali tas-Snien 2014. Hu qal li hu importanti li wieħed ikun protett sabiex  snienu jibqgħu b’saħħithom.
Studju nazzjonali li ġie organizzat mill-Unit tal-Kura tas-Snien flimkien mal-Fakultà tal-Kirurġija Dentali qed jiġbor u jevalwa informazzjoni fuq is-saħħa tas-snien, fosthom fuq l-iġene, kemm-il darba n-nies jaħslu snienhom u kemm-il darba jmorru għand kliniċi tas-snien.
Informazzjoni minn għadd ta’ studji internazzjonali turi relazzjoni bejn mard fis-snien u tipjip, alkoħol, u dieta ħażina, b’mod partikolari fejn jidħol l-ammont ta’ zokkor li wieħed jieħu.
Ir-riżultati ta’ Malta jixbħu lil dawk tal-Ingilterra, fejn 12% ta’ tfal ta’ tliet snin irrappurtaw li kellhom mard fis-snien. Statistika oħra turi li 16% ta’ tfal ta’ tliet snien jixorbu ħafna xorb biz-zokkor kuljum, filwaqt li 46% jixorbu soft-drinks darba f’ġimgħa.