31% tal-kumpaniji se jkeċċu aktar ħaddiema sa wara Mejju – MEA

Miguela Xuereb

Read in English.

31% tal-kumpaniji mistennija jkeċċu aktar ħaddiema jekk il-kundizzjonijiet li ġabet magħha l-pandemija tal-coronavirus jibqgħu fis-seħħ sa wara Mejju mingħajr aktar għajnuniet. Dan ħareġ mis-survey tal-Assoċjazzjoni għal Min Iħaddem (MEA).

Intant 45% tal membri tal-assoċjazzjoni li wieġbu s-survey qalu li għadhom mhux ċerti x’se jkunu qed jagħmlu. Filwaqt li 24% qalu li mhux bi ħsiebhom ikeċċu lill-ħaddiema tagħhom.

91% tal-kumpaniji għadhom ma keċċewx ħaddiema

Waqt konferenza tal-aħbarijiet illum, l-MEA qalet li skont ir-riżultati tas-survey tagħha, 91% tan-negozji s’issa għadhom ma keċċew l-ebda ħaddiem. Is-survey ġabar risposti mingħand 346 negozju li huma membri tal-istess assoċjazzjoni. Is-survey kien fih total ta’ 15-il mistoqsija u seħħ bejn l-20 u l-24 t’a April. Dawk li mlew is-survey ġejjin minn setturi varji.

Id-Direttur Ġenerali Joseph Farrugia spjega li l-għan tas-survey kien sabiex jiġi stabbilit kif ġew affettwati l-membri tagħhom minħabba l-pandemija, biex tevalwa l-impatt tal-miżuri finanzjarji mħabbra mill-gvern u tidentifika l-bżonnijiet tal-membri sabiex tkompli tiddiskuti modi kif il-gvern jista’ jgħin aħjar.

Minn meta ħareġ l-ewwel każ tal-coronavirus f’Malta, fis-7 ta’ Marzu, s’issa, feġġew f’Malta total ta’ 458 każ. Il-pajjiż għadda minn lockdown parzjali bil-għan li titnaqqas il-firxa tal-virus fil-komunità. Negozji li kienu joffru prodotti u servizzi li mhux essenzjali ngħalqu filwaqt li l-agħar li ntlaqtu kienu dawk in-negozji fil-qasam tat-turiżmu u l-ospitalità.

Il-gvern ħabbar diversi miżuri finanzjarji li kienu mmirati sabiex jissalvagwardjaw ix-xogħolijiet wara li beda jinfirex il-virus f’Malta. Il-pandemija globali mhux talli bdiet kriżi ta’ saħħa pubblika iżda rriżultat ukoll fi kriżi ekonomika u soċjali.

Waqt il-preżentazzjoni, Farrugia spjega li l-persuni li wieġbu s-survey jirrappreżentaw demografika kbira u għandhom għadd kbir ta’ impjegati differenti. 52% qed jirċievu l-wage supplement tal-gvern. Minn dan il-perċentwali 65% jaqgħu taħt Annex A u 34% jaqgħu taħt Annex B. 48% ma waqgħu taħt l-ebda tip ta’ wage supplement ipprovdut mill-gvern.

40% tal-ħaddiema qalu li l-kumpanija għadha qed topera bis-sigħat normali tagħha. Farrugia qal li dan ma jfissirx li huma mhux qed jaħsbu biex jitnaqqsu s-sigħat li fih jitħaddem in-negozju. 36% tal-persuni li wieġbu s-survey qalu li l-ħaddiema tagħhom qed jaħdmu inqas sigħat.

9% tal-kumpaniji keċċew xi ħaddiema

Filwaqt li 91% tan-negozji qalu li ma keċċewx ħaddiema, 9% qalu li kellhom ikeċċu xi ħaddiema. Farrugia rrimarka li dan jirrifletti wkoll informazzjoni ppubblikata aktar kmieni mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. Minn dawn id-9%, 14-il kumpanija jaqgħu taħt Annex A u tmien kumpaniji jaqgħu taħt Annex B. 10 kumpaniji oħrajn ma waqgħux taħt dawn il-listi.

38% qalu li l-miżuri finanzjarji tal-gvern ma kinux effettivi. It-tweġibiet ta’ din il-mistoqsija jinkludu kemm negozji li rċevew dawn l-inċentivi u kemm dawk li ma rċevew xejn. 18% wieġbu jgħidu li l-assistenza tal-gvern kienet effettiva. Ir-riżultat jinkludi wkoll 5% li qalu li l-assistenza finanzjarja kienet “estremament effettiva” u 13% li qalet li kienet effettiva. 30% ta’ dawk li wieġbu s-survey qalu li huma newtrali.

Rakkomandazzjonijiet

Fir-rakkomandazzjonijiet tagħha, l-MEA ħeġġet lill-gvern sabiex jinkludi aktar kumpaniji taħt Annex A u Annex B, inkluż kumpaniji li huma ko-dipendenti fuq kumpaniji li jinsabu f’setturi li ġew sfurzati jgħalqu. Farrugia spjega li ladarba tonqos il-pressjoni, il-gvern jista’ jiffoka li jassisti lil dawk il-kumpaniji li għandhom bżonn aktar assistenza.

Rakkomandazzjoni oħra tinkludi reviżjoni temporanja tar-rati tal-VAT biex terġa’ tieħu spinta l-ekonomija. L-MEA qalet li hemm bżonn aktar flessibiltà meta wieħed jiġi biex iħaddem persuni li ġejjin minn pajjiżi terzi. Farrugia qal li l-ħaddiema kienu qed isibuha diffiċli biex iġeddu l-permessi tal-ħaddiema tagħhom li ġejjin minn dawn il-pajjiżi.

Tista taqra r-riżultati minn hawn.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn