31 kunċert fi 17-il post differenti

Ritratt: Amy Ryan Media

Read in English.

It-tmien edizzjoni tal-Valletta Baroque Festival tingħata bidu fit-tmiem il-ġimgħa li ġej b’ħames kunċerti mill-aqwa.

Sa mill-bidu tiegħu fl-2013, il-Valletta Baroque Festival kompla jevolvi u issa stabbilixxa ruħu fost il-festivals tal-mużika bikrija fl-Ewropa u lil hinn minnha. Bi programm li jittella’ f’nofs ix-xitwa, jimla vojt fl-istaġun kulturali għal dawk il-Maltin kif ukoll barranin li jħobbu l-mużika. Il-festival jistieden lill-udjenzi biex jitpaxxew bil-mużika barokka fil-postijiet li għalihom inkitbet.

Ritratt: Benjamin Chelly

Mela erġa’ lesti ruħek għal 15-il ġurnata ta’ mużika spettakolari. B’31 kunċert fi 17-il post, il-festival jerġa’ jistieden lill-udjenzi biex jesploraw spazji barokki il-ġmiel tagħhom u postijiet fil-Belt Valletta u lil hinn. Hemm xi ħaġa għal kulħadd. Ejja naraw x’għandhom x’joffru l-ewwel ġranet tal-festival.

Ritratt: Maéva-Dayras

Kollox jibda nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Jannar, b’kunċert tal-ftuħ spettakolari fid-dar tal-festival, it-Teatru Manoel. Matul dik is-serata, waħda mill-aqwa orkestri ta’ Franza, Les Musiciens du Louvre, se tkun qed takkumpanja lil Vivica Genaux f’battalja mużikali bejn ix-xogħlijiet ta’ Handel u Porpora. Imbagħad is-Sibt f’nofsinhar se jittella’ kunċert minn Les Contre-Sujets fil-Knisja ta’ Ġieżu fil-Belt Valletta, b’xogħlijiet ta’ Couperin, Buxtehude u Telemann fejn wieħed jista’ jiskopri dawn il-kunċerti (mhux biss) Taljani b’xeħta Franċiża u Ġermaniża. Iktar tard dakinhar, il-grupp magħruf La Serenissima jilqa’ lil dawk li jħobbu l-mużika fil-Knisja Kolleġġjata ta’ San Pawl fir-Rabat, bil-mużika sagra ta’ Vivaldi. Il-Ħadd f’nofsinhar Les Contre-Sujets jieħdu lill-udjenzi fil-Palazz Verdala u jwasslu mużika minn Kompożituri Ġermaniżi magħrufa bħal Handel u Telemann. Filgħaxija, La Serenissima joffru festa ta’ kuluri instrumentali bl-obwijiet, fagotti, trumbetti, kordi u l-continuo mill-aqwa kompożituri tal-epoka barokka bħal Telemann, Fasch u Vivaldi. It-Tnejn filgħaxija jwassal xi ħaġa speċjali. Joel Frederiksen u l-Ensemble Phoenix Munich se jkunu fil-Grand Salon fil-Mużew tal-Arkeoloġija għal kunċert meraviljuż li se jinkludi mużika Ingliża, Franciża u Taljana minn tmiem ir-Rinaxximent u milll-Barokk bikri. Kemm il-Ħadd kif ukoll it-Tnejn filgħaxija se joffru opportunità li wieħed jiltaqa’ mal-artisti wara l-kunċert waqt bibita u xi tnaqqir.

Ritratt: Thomas-Zwillinger

Spettakli oħrajn fl-ewwel ġimgħa jinkludu lil Daniel u Pablo Zapico fil-Biblijoteka tal-Belt Valletta, Inspired by Baroque imtella’ mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta fit-Teatru Manoel, il-Messa de Morti ta’ Durante minn Cantar Lontano, il-Valletta Baroque Ensemble u l-Monteverdi Project fil-Knisja ta’ San Filippu ta’ Agira f’Ħaż-Żebbuġ, Bach Reworked minn Teodor Baù u Andrea Buccarella f’Palazzo Parisio fin-Naxxar  u l-kunċert Neapolitan Cello Concertos minn Catherine Jones u Controcorrente.

Xi ħaġa ġdida għal din is-sena huma l-prodotti esklussivi ispirati mill-barokk, li ġew iddisinjati minn Kotba Calleja, Ritienne Zammit u Glenn Ellul, u li se jkunu disponibbli qabel u wara l-kunċerti fil-postijiet differenti.

Il-Valletta Baroque Festival huwa inizjattiva tat-Teatru Manoel u għandu l-appoġġ tal-Ministeru għall-Kultura, Ġustizzja u Gvern Lokali kif ukoll tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Il-kunċert tal-ftuħ se jiġi mwassal mill-Ambaxxata Franċiża u minn grupp Franċiżi. L-appoġġ għall-postijiet fejn se jsiru l-kunċerti fl-ewwel ġimgħa huwa mingħand il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta u Palazzo Parisio.

Ritratt: RibaltaLuce-Studio

Informazzjoni u biljetti minn: www.vallettabaraoquefestival.mt

Niżżel l-app: app.vallettabaroquefestival.mt