31 grupp jirċievu €50,000 biex jissaħħu

Permezz tal-iskemi A4U u BeActive, 31 grupp ta’ zgħażagħ irċevew €50,000 f’fondi bejniethom.
Waqt iċ-ċeremonja, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u għall-Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima qal li b’dawn il-proġetti ż-żgħażagħ qed isiru aktar attivi fis-soċjetà u jagħtu sehemhom b’mod innovattiv.
Fi stqarrija, is-Segretarjat għall-Għaqdiet tal-Volontarjat qal li l-iskema A4U, hija amministrata mill-Aġenzija Żgħażagħ. Permezz ta’ din l-iskema, l-Aġenzija Żgħażagħ għandha l-għan li tappoġġja organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ sabiex tikber u tiżviluppa aktar is-servizzi li jipprovdu għaż-żgħażagħ u l-komunità.
Skont is-Segretarjat, l-iskema BeActive hi wkoll amministrata mill-Aġenzija Żgħażagħ. Qal li għandha l-għan li tkompli tipprovdi appoġġ lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fl-iżvilupp, ippjanar, implimentazzjoni u evalwazzjoni ta’ proġetti li huma mmirati biex jipprovdu għall-benesseri tal-membri rispettivi tagħhom kif ukoll għall-komunità u s-soċjetà.
Ritratt: DOI – Clifton Fenech