300,000 votant ġdid fl-Ingilterra, tnejn minn kull tlieta taħt il-35 sena

Reuters

Persuni taħt il-35 sena ġrew biex jivvutaw għall-ewwel darba fl-Ingilterra għall-elezzjoni li se ssir ix-xahar id-dieħel. Aktar minn 300,000 applikazzjoni saret f’anqas minn 48 siegħa meta deher biċ-ċar li se ssir elezzjoni.

Minn dawk li applikaw żewġ terzi huma kollha taħt il-35 sena waqt li 4% biss għandhom 65 sena u fuqhom. Dan l-ammont ta’ voti ‘taż-żgħażagħ’ għandu jiffavorixxi lill-Partit Laburista li fi stħarriġ li sar il-ġimgħa l-oħra ntwera li 40% ta’ dawk anqas minn 25 sena jippreferu lil Jeremy Corbyn milli lil Boris Johnson, il-kap tal-Partit Konservattv, li kiseb biss 12% ta’ approvazzjoni.

Jo Swinson, il-mexxejja tal-Partit Lib Dem, mistennija li tmur tajjeb ukoll għax wiegħdet li jekk tkun eletta kienet se twaqqaf għal kollox il-proċess li r-Renju Unit iħalli l-Unjoni Ewropea.

Fil-ġimgħat ta’ qabel, ir-reġistrazzjoni kienet tkun ta’ 37,000 kull ġurnata. Imma nhar it-Tlieta kienu reġistrati 139,162 ruħ waqt li nhar l-Erbgħa daħlet 177,105 applikazzjoni. B’kollox kien hemm 103,848 ruħ dawk ta’ taħt il-25 sena u 101,933 ta’ dawk ta’ bejn il-25 u l-34 sena.