Aġġornata: “300 xufier mill-Pakistan biċ-cheap labour” – MPT tiċħad

Id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal fil-Parlament li l-kumpanija tat-trasport pubbliku f'Malta, MPT, ħarġet applikazzjonijiet għal 300 xufier mill-Pakistan li se jitħallsu biċ-cheap labour, allegazzjoni li ġiet aġġornata mill-Malta Public Transport f'risposta li ntagħtet lil Newsbook.com.mt.
Bezzina kien qed jitkellem fid-dibattitu dwar l-Estimi Ġenerali tal-Gvern. Huwa qal li jirriżultalu li dawn ix-xufiera se jitħallsu 10 darbiet inqas minn xufiera oħra.
Id-deputat Nazzjonalista staqsa jekk fid-dawl ta’ dan il-Gvern hux se jnaqqas is-sussidju lill-kumpanija barranija li tħaddem it-trasport pubbliku bl-istess ammont.
Hu qal li f’ħames snin is-sussidju ogħla minn €9 miljuni fis-sena bejn sussidju u għotjiet tal-Unjoni Ewropea għal €40 miljun li qed jitħallsu lill-kumpanija barranija li topera t-trasport pubbliku.
Min-naħa tieghu, id-deputat Laburista Edward Zammit Lewis qal li l-ekonomija Maltija qed tiġġenera tant ġid li hemm bżonn ħaddiema barranin biex ilaħħqu mad-domanda għall-ħaddiema li teżisti bħalissa. Huwa qal li dawn il-ħaddiema huma bżonnjużi daqs il-ħaddiema fil-qasam tal-gaming.
Fl-intervent tiegħu d-deputat Nazzjonalista Chris Said qal li jidher ċar li dan il-Gvern, qed jagħmel ħafna wegħdi dwar Għawdex, baġit wara l-ieħor, li minnhom iwettaq biss ftit.
Aktar minn hekk, l-aktar wegħdi importanti għas-sena 2017 ma twettaq xejn minnhom. Huwa qal li l-vot kapitali mill-2016 għall-2017 naqas f’20% waqt li l-vot rikorrenti tela’ b’10%.
Il-Pakistan Testing Service tirreklama l-impjiegi tal-Malta Public Transport
Il-Pakistan Testing Service bħalissa qed tirreklama t-300 impjieg offruti mill-Malta Public Transport.
Il-kumpanija fil-Pakistan qed tfittex li tattira rġiel li għandhom bejn 25 u 40 sena filwaqt li qed tofrilhom ukoll pakkett attraenti.
Tgħid ukoll li fejn hu applikabbli, il-kumpanija se ssegwi l-liġijiet tal-Unjoni Ewropea. 
L-applikazzjonijiet jibqgħu miftuħin sal-Ħamis 8 ta' Frar.
Il-Malta Public Transport tiċħad li l-ħaddiema mill-Pakistan se jitħallsu inqas
Fi dritt ta' risposta, kelliema għall-Malta Public Transport qalet ma Newsbook.com.mt li "l-pagi tal-impjegati huma stabbiliti skont ftehim kollettiv u jitħallsu b’mod ugwali irrispettivament min-nazzjonalità tal-impjegat". Qalet ukoll li l-kumpanija hija “equal opportunities employer” li timpjega aktar minn 1,300 impjegat min 38 pajjiż differenti. Għaldaqstant, il-kumpanija ċaħdet li hemm xi xufiera li se jitħallsu anqas minn xufiera Maltin minħabba li ġejjin minn pajjiż ieħor. Innutat ukoll b’dispjaċir li d-deputat Toni Bezzina għamel dawn il-kummenti, li skont MPT huma “kompletament kontra l-filosofija tal-kumpanija”, “minflok ma għamel kuntatt mal-kumpanija sabiex jistabbilixxi l-fatti”.