300 volontier, maratona ta’ 53 siegħa għad-Dar tal-Providenza

Aktar minn 300 volontier taw bidu għad-disa’ Maratona tal-Volleyball BOV Marigold b’risq id-Dar tal-Providenza.
53 siegħa li matulha l-parkeġġ fid-Dar tal-Providenza jiġi ttrasformat f’padiljun tal-volleyball u f’żona ta’ divertiment għall-maratona annwali tal-ġbir ta’ fondi bit-tema Sabiħ li Tagħti.
Il-Maratona ġiet inawgurata mill-Aġent President ta’ Malta Dolores Christina fejn iddeskriviet dan l-avveniment bħala turija ta’ altruwiżmu, tax-xogħol volontarju u f’tim.
Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza Fr Martin Micallef wera l-apprezzament tiegħu għall-għajnuna kontinwa tal-pubbliku u fakkar fil-ġenerożità tal-poplu meta nhar il-Ġimgħa li għadda waqt Xarabank inġabret is-somma ta’ €255,353.
Huwa tkellem dwar is-servizzi li tagħti d-Dar tal-Providenza, inkluż il-pixxina terapewtika l-aktar avvanzata li ġiet inawgurata s-sena li għaddiet u d-djar fil-komunità fis-Siġġiewi u fiż-Żurrieq, fejn ir-residenti qed jgħixu ħajja aktar indipendenti bħala membri integrali tal-komunità.
Semma wkoll id-Dar fil-Balluta u l-installazzjoni ta’ ħames liftijiet bħala proġetti importanti biex jitwettqu fil-futur qarib.
Il-Maratona se tibqa’ għaddejja sal-Ħadd 2 ta’ Lulju fil-grawnds tad-Dar innifisha.
Matul il-maratona attenda l-Prim Ministru Joseph Muscat.
Il-kontribuzzjonijiet jistgħu jsiru bit-telefon fuq 51702012 għal donazzjoni ta’ €15 u fuq 51802013 għal donazzjoni ta’ €25. Donazzjoni ta’ €6.99 tista’ ssir b’SMS vojt fuq 50618944. L-abbonati tal-BOV Mobile Pay jistgħu wkoll jagħmlu d-donazzjoni tagħhom fuq in-numru 79324834. Hemm ukoll il-linja għall-pledges fuq 2146 1537.

Ritratti: Żjara tal-Prim Ministru: DOI: Pierre Sammut