300 sena qabel Game of Thrones

Aħbar tajba għall-fans ta’ Game of Thrones hekk kif ġie kkonfermat l-ewwel staġun tal-prequel ta’ din is-sensiela popolari. The House of the Dragon se jkun qed iseħħ 300 sena qabel l-istorja tal-Game of Thrones u l-ewwel staġun se jkun jikkonsisti f’10 puntati.

Din is-sensiela se tkun ibbażata fuq il-ktieb Fire & Blood ta’ R.R. Martin u se tirrakkonta l-istorja tad-Dar ta’ Targaryen. Il-ktieb ta’ 700 paġna inħareġ fl-2018 u fiż-żmien li ġej mistenni jinħareġ it-tieni volum.

Paddy Considine, protagonist ta’ produzzjonijiet bħal The Third Day u The Outside se jkun qed jinterpreta l-karattru tar-Re Viserys Targaryen, li jkun ġie magħżul biex jieħu post ir-Re ta’ qabel fil-kunsill ta’ Harrenhal.

Ix-xewqa tiegħu hi li jkompli bil-legat ta’ nannuh… iżda ċ-ċirkostanzi li jseħħu jagħmlu dan il-fatt pjuttost impossibbli, u minn hawn jibdew l-intriċċi ta’ din is-sensiela.

S’issa m’hemmx aktar atturi konfermati għal din is-serje ġdida ta’ Game of Thrones u lanqas ma tħabbar meta se jibda l-ġbid u wisq aktar meta l-istazzjon Amerikan HBO se jkun qed ixandar dawn l-10 episodji li għalihom diġà hemm stennija kbira.