L-Ark fil-Mellieħa jagħlaq 300 sena

Mellieha

Nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Lulju, l-Ghaqda Korali u Orkestrali Maria Bambina tal-Mellieħa se tkun qiegħda ttella’ attività fil-bitħa tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna tal-Mellieħa bl-isem ta’ “Fik Temgħu Missirijietna, Temgħu u inti Ħlistom”

Dan huwa l-kliem li hemm miktub fuq l-Ark prinċipali, u permezz ta’ din l-attività se tiġi mfakkra t-tliet mitt sena mill-Ark li jagħti għall-bitħa tas-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa, kif ukoll il-120 sena mill-inkurunazzjoni tal-Madonna tal-Mellieħa meqjuma b’tant għożża fl-istess santwarju.

Matul din l-attività se jieħdu sehem numru sabih ta’ mużiċisti, kantanti u atturi.  Permezz ta’ din is-serata jitwassal ir-rakkont kemm tal-Ark, kif ukoll tas-Santwarju Nazzjonali, bis-sehem ta’ kor u orkestra u diversi atturi li b’xi mod jew ieħor kellhom sehem fl-istorja twila ta’ dan is-Santwarju Nazzjonali ta’ Malta u wieħed mill-eqdem Santwarji Marjani fid-dinja.

Fi ftit kliem nistgħu ngħidu li din is-serata se tkun attività mimlija mużika, kultura u storja reliġjuża li se tagħti pjaċir lil kull min jattendi għaliha f’ambjent rilassanti.

Din l-attività qiegħda ssir b’kollaborazzjoni mal-Parroċċa Arċipretali tal-Mellieħa.