300 persuna f’Malta jbatu bil-multiple sclerosis

Il-fondazzjoni volontarja Multiple Sclerosis Society of Malta qed tiċċelebra l-20 anniversarju wara li ġiet imwaqqfa f’Ottubru tal-1997 biex tipprovdi għajnuna lill-individwali li jbatu mill-kundizzjoni tal-multiple sclerosis u lil familjari tagħhom, filwaqt li tkabbar u tespandi l-kuxjenza pubblika.

Primarjament, il-Multiple Sclerosis Society of Malta toffri fiżjoterapija ssussidjata lill-membri tagħha u psikoterapija lil familjari.
Skond is-sit tal-fondazzjoni, bħalissa f'Malta hawn aktar minn 300 persuna tbati bil-multiple sclerosis, iżda madwar 160 minnhom biss huma identifikati. Il-Multiple Sclerosis Society of Malta tgħid ukoll li għandha madwar 180 membru. 
Fl-okkażjoni ta’ għeluq l-20 sena mit-twaqqif tagħha, li jaħbat l-Erbgħa, 25 ta’ Ottubru, id-Dar tal-Providenza xtaqet pubblikament tawgura lil din il-fondazzjoni.
“Fl-istess waqt, nawguraw aktar ħidma u appoġġ lill-membri tagħha”, qal kelliem għad-Dar tal-Providenza.
Dan fakkar kif il-Multiple Sclerosis Society of Malta torganizza attivitajiet soċjali għall-membri kif ukoll tirrappreżenthom lokalment u internazzjonalment.