300 kaxxa ikel mill-impjegati tal-BOV għal dawk fil-bżonn

Read in English.

Din is-sena l-impjegati tal-Bank of Valletta ma ċċelebrawx il-festi tal-Milied f’daqqa, imma minflok iddeċidew li jaħdmu flimkien sabiex jgħinu lil min hu fil-bżonn. 

Konxji li dan il-Milied kien se jkun wieħed iktar iebes għall-familji u l-individwi li qedgħin jesperjenzaw il-faqar, l-istaff tal-BOV ħadmu bi ħġarhom sabiex jiġbru kemm jistgħu oġġetti tal-ikel u affarijiet neċessarji oħra.

Il-Fergħat tal-BOV iffukaw l-isforzi tagħhom sabiex jgħinu lill-Fondazzjoni St Jeanne Antide u taw donazzjonijiet ta’ ġugarelli, oġġetti tal-ikel, iġjene personali u prodotti tat-tindif. Dipartimenti oħra tal-BOV ġabru ikel għall-Fondazzjoni Foodbank Lifeline. Impjegati li qed jaħdmu mid-dar taw donazzjoni ta’ flus u l-Bank of Valletta sussegwentement żid fuq l-ammont li nġabar. B’kollox ingħataw donazzjoni ta’ € 5,000 fi flus u 300 kaxxa mimlija bl-ikel u oġġetti meħtieġa.

“Hekk kif ħareġ l-appell lill-istaff, l-ispirtu tat-tim tal-BOV ħareġ b’mod b’saħħtu immens!  Il-vera kuntenti li rnexxielna niġbru daqshekk flus, ikel u oġġetti oħra. Kien sforz kollettiv, b’ħafna ppjanar u koordinazzjoni loġistika għaddejjin minn wara l-kwinti. Matul il-ġimgħa ta’ qabel il-Milied il-vannijiet tagħna ma waqfux iduru ma’ Malta u Għawdex sabiex jiġbru l-kaxxi numerużi mill-fergħat u d-dipartimenti tagħna. Ridna nagħmlu dak kollu meħtieġ biex niżguraw li jitwasslu fil-ħin għall-żmien il-Milied! ” stqarret Mary Rose Deguara, waħda mill-impjegati tal-BOV li ħadmet bla waqfien biex din l-inizjattiva tkun suċċess.

“Meta naħdmu flimkien, jiġru affarijiet sbieħ. Ilkoll ħassejna sodisfazzjon enormi li stajna naqsmu xi ftit minn dak li għandna aħna ma’ individwi u familji li qed jitħabtu mal-ħajja. Ix-xewqa tagħna hi li aktar u aktar gruppi jaġixxu fuq l-appelli ta’ dawn il-Fondazzjonijiet biex is-sena 2021 tkun aħjar għal dawk kollha li kull ġurnata hija battalja,” tenna Jes Sciberras, wieħed mill-ko-ordinaturi ta’ din il-kampanja.

Il-Fondazzjoni tal-Foodbank Lifeline tipprovdi ikel lill-individwi u familji li jsibu ruħhom fi kriżi, minħabba dewmien fil-benefiċċji, dħul baxx, problemi ta’ akkomodazzjoni jew mard, biex ikoprihom għal żmien qasir sakemm tinstab soluzzjoni aktar fit-tul.

Il-Fondazzjoni St Jeanne Antide tgħin individwi u familji vulnerabbli li jiffaċċjaw sfidi kumplessi tal-ħajja, li ħafna minnhom qed jagħmlu minn kollox biex jirritornaw ix-xogħol, jiffaċċjaw vjolenza domestika, għandhom mard serju fil-familja tagħhom jew qed jitħabtu ma’ diffikultajiet finanzjarji.

Aktar informazzjoni dwar kif tista’ tappoġġja lill-Fondazzjoni Foodbank Lifeline u l-Fondazzjoni St Jeanne Antide tinstab fuq https://www.foodbanklifeline.com u https://www.antidemalta.org.

Maħruġa mill-Bank of Valletta p.l.c., 58, Triq San Żakkarija, Il-Belt Valletta VLT 1130. Il-Bank of Valletta p.l.c. hija kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata regolata mill-MFSA u hija liċenzjata biex toffri l-kummerċ bankarju f’termini tal-Att dwar il-Kummerċ Bankarju (Kap. 371 tal-Liġijiet ta’ Malta).