30% tal-familji ma jaffordjawx btala ta’ ġimgħa darba f’sena

Statistika turi li 30% tal-familji Maltin ma kinux jaffordjaw isiefru għal ġimgħa darba f’sena fl-2018.

L-istatistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), ibbażata fuq Statistika Ewropea dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien (EU-SILC) tgħid li total ta’ 142,871 persuna ma kinitx taffordja din it-tip ta’ vaganza fl-2018. Il-persentaġġ niżel bi 3.3% mill-2017, meta 33.9% tal-popolazzjoni ma kinitx taffordja dan.

L-istess statistika tgħid li fl-2018, 13.9% tan-nies ma kinux jaffordjaw li jinqalgħulhom spejjeż finanzjarji żejda. Mentri fl-2017, dan il-persentaġġ kien ta’ 15.6%.

NSO

Fit-Tramuntana l-akbar riskju ta’ faqar

Ir-rati ġew eżaminati skont minn liema reġjun ta’ Malta ġejjin. Skont dawn ir-rati, jidher li dawk li huma l-iżjed f’riskju ta’ faqar huma dawk ġejjin mill-Port tat-Tramuntana bi 18.9%. Il-Port tan-Nofsinhar għandu 18.5% ċans ta’ riskju ta’ faqar. L-inqas rati huma ta’ Għawdex u Kemmuna, b’14.1% u 12% rispettivament.

 

NSO

In-nisa iżjed f’riskju mill-irġiel

L-istudju juri wkoll li s-sena l-oħra, iżjed nisa kienu f’livell ta’ faqar, billi kien hemm 18.1% tan-nisa Maltin. Din ir-rata għoliet kemxejn mis-sena ta’ qabel, meta kienet ta’ 17.3%. B’hekk, dan juri li hemm 41,672 mara taħt ir-rata ta’ riskju ta’ faqar. Kważi 50% ta’ dawn in-nisa għandhom bejn 18 u 64 sena.

L-NSO rrappurtat li fl-2018, kien hemm inqas irġiel li kienu f’riskju ta’ faqar, billi n-numru naqas minn 16.1% għal 15.6% mill-2017 għall-2018. Ħafna minn dawn kellhom iżjed minn 65 sena.

NSO

X’qalu l-Gvern u l-PN

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li r-rata ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali niżlet għall-ħames sena konsekuttiva peress li niżlet għal 19%.

Min-naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern ma żammx il-wegħda tiegħu li jeradika l-faqar f’Malta, billi dan għadu preżenti.

X’qalet Żminijietna

L-organizzazzjoni xellugija Żminijietna esprimiet sodisfazzjon għall-politika tal-Gvern fil-ġlieda kontra l-faqar. Qalet li l-istatistika nazzjonali dwar il-faqar tikkonferma li l-politika tal-Gvern fil-qasam ekonomiku u soċjali qed twassal għar-riżultati tajbin biex jiġi miġġieled il-faqar.

Madankollu, l-organizzazzjoni qalet li x-xogħol prekarju qed jinfirex b’mod allarmanti, u li l-prezzijiet tal-kiri mhumiex affordabbli.