30% tal-Baġit għadu ma twettaqx

Il-Gvern qal li matul l-2017 twettqu 265 miżura tal-Baġit, jiġifieri 70% tal-miżuri mħabbra.
Dan ifisser li tlieta minn kull erbgħa miżuri twettqu imma kwart ma twettqux. 
Bejn wieħed u ieħor, din hija l-istess rata tas-snin preċedenti .
Il-Gvern qal li dan sar minkejja li fl-eqqel tal-implimentazzjoni tal-miżuri, Malta kellha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u Elezzjoni Ġenerali. Il-Baġit jiskadi fl-aħħar tas-sena.
Id-dokument “It-Twettiq tal-Baġit 2017” ġie ppreżentat f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, u mis-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar.
Il-Ministru Scicluna qal li hu kuntent mhux biss għas-70% tal-implimentazzjoni tal-Baġit, imma wkoll għax il-Gvern qed jagħti rendikont “dettaljat” dwar miżuri li twettqu.
Min-naħa tiegħu, Cutajar qal li sa erba’ snin ilu, il-Baġit kien jintesa ftit wara li l-benefiċċji mħabbra fih jaslu fil-bwiet tan-nies.
Qal li issa, minħabba dik li huwa ddeskriva bħala aktar kontabbiltà,  kellhom jiddawru u jiġu llimati l-kulturi fi ħdan is-Servizz Pubbliku, fost oħrajn bl-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ta’ ppjanar 3D, moniteraġġ kontinwu u rapporti lill-Kabinett kull xahar dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri.
Dan, qal is-Sur Cutajar, wassal għar-riżultati.