30% tad-djar f’Malta jbatu mit-tniġġis u ħmieġ – NSO

Stħarriġ li sar f’Malta fl-2018 sab li 30% tar-residenzi privati esperjenzaw problemi bit-tniġġis, ħmieġ, jew problemi oħra ambjentali.

L-istħarriġ dwar l-Istatistiċi Ewropej fuq id-Dħul u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien (EU-SILC) isir kull sena u jiġbor informazzjoni minn residenzi privati f’Malta u Għawdex. Fl-2018, saru intervisti ma’ kważi 4,000 dar.

Fost il-problemi fir-residenzi li ssemmew kien hemm:

  • Residenzi bla banju jew doċċa għall-użu privat tal-post (1%)
  • Saqaf iqattar u problemi oħra bl-ilma (8%)
  • Nuqqas ta’ dawl (11%)
  • Storbju mill-ġirien jew mit-triq (29%)
  • Kriminalità, vjolenza, jew vandaliżmu (13%)

Skont l-istħarriġ, fl-2018 55.4% tar-residenzi li fihom kien qed jgħix xi ħadd kienu appartamenti jew maisonettes filwaqt li 39.9% kienu djar semi-detached jew terraced. L-akbar proporzjon ta’ residenzi (32.5%) kellhom ħamest ikmamar.

Instab li 78.8% tar-residenzi kienu sidien tal-post. Minn dawn, 73.8% qatt ma kellhom ipoteka (mortgage) fuq ir-residenza primarja tagħhom jew inkella ħallsu d-dejn kollu li kellhom.

Skont l-EU-SILC tal-2018, 3.4% tan-nies jgħixu f’residenzi privati kienu qed jgħixu f’kundizzjonijiet iffullati (Rata ta’ 10.9%  għal dawk li kienu qed jikru u 1.9% għal dawk li kienu s-sid tar-residenza tagħhom).

Instab li 57.2% tan-nies jgħixu f’residenza kienu jsibu l-housing costs bħala piż filwaqt li għal 19.8% dan kien piż kbir. Il-bqija, 23%, qalu li ma kienx piż għalihom.