Baqa’ ħadd ma jaf xejn dwar “it-30 student li sparixxew f’Ħal Saflieni”

X’sar minnhom it-tfal li allegatament sparixxew f’Ħal Saflieni?
Kultant żmien terġa' titfakkar l-edizzjoni tan-National Geographic t’Awwissu tal-1940 irrapportat dwar din il-ġrajja, b'artiklu jgħid kif il-Gvern Malti kompla jissiġilla aktar passaġġi fl-Ipoġew wara li  grupp ta’ tfal tal-iskola sparixxew mingħajr ebda traċċa waqt li kienu fih.
Din l-istruttura li tinsab taħt l-art u għandha aktar minn 5,000 sena hi magħrufa bħala l-eqdem sit preistoriku Malti.
Hu stmat li aktar minn 2,000 tunnellata ta’ ġebel tħaffer biex sar dan is-santwarju. Però għal uħud dan mhux l-aktar aspett interessanti u misterjuż ta’ dan il-post.
Ġrajja lokali tgħid li qabel ma l-Gvern Ingliż issiġilla diversi passaġġi, wieħed seta’ jimxi min-naħa għal oħra ta’ Malta minn passaġġi taħt l-art.
Skont rapporti aktar dettaljati jidher li dan il-grupp li sparixxa kien jikkonsisti f’madwar 30 student li dakinhar marru f’dawn il-katakombi bħala ħarġa kulturali bħala parti mill-istudji tagħhom.
Artiklu miktub minn Lois Jessup, eksimpjegata tal-Ambaxxata Ingliża, jallega li hi żaret l-Ipoġew darba qabel ma sparixxew it-tfal u darb’oħra ftit wara.
Jessup kitbet fid-dettall dwar kif fl-ewwel żjara tagħha rnexxielha tikkonvinċi lill-gwida biex iħalliha tidħol f’waħda mill-kmamar li ma kinetx aċċessibli għall-pubbliku.
Skont Jessup il-gwida bħal qisu deher iġib ruħu stramb, madanakollu taha permess biex tidħol u qalilha li kienet se tagħmel dan fuq riskju personali tagħha. Hekk kif daħlet ġewwa Jessup qalet li x-xemgħa li kellha intfiet u spiċċat kellha tuża l-ħabel li kellha marbut magħha biex jiggwidaha u ma tintilifx.
Jidher li aktar ma daħlet 'il ġewwa minn passaġġ żgħir u dejjaq ħafna fl-aħħar sabet ruħha ġo għar kbir li kien jagħti għal isfel fil-fond.
Ir-rakkont ta’ Jessup ikompli jagħti dettalji mċajpra dwar x’rat dakinhar, però ħaġa li spikkat hi li waqt li kienet ħierġa kienet mistiedna mill-gwida biex iddur l-Ipoġew ma’ grupp ta’ studenti li kienu ġew jaraw il-katakombi mas-surmast tagħhom, madanakollu hi rrifjutat.
Jessup tkompli tirrakkonta dwar kif ftit wara saret taf mill-ġurnali Ingliżi dwar kif grupp ta’ 30 student li kienu marru jżuru l-Ipoġew ma’ għalliem spiċċaw intilfu fil-passaġġ fond li kienet daħlet fih hi u li fil-passaġġ fejn intfiet ix-xemgħa sabu li l-ħabel li t-tfal kienu marbutin bih biex jigwidahom lura kien inqata’ b’mod suspettuż u ftit wara s-saqaf tal-passaġġ ċeda għal kollox.
Għalkemm Jessup reġgħet ġiet lura Malta biex tinvestiga u tistaqsi dwar x’ġara eżatt wara li semgħet qrat dwar l-aħbar minn ġurnal Ingliż, kull mistoqsija dwar il-każ kienet ġiet miċħuda u saħansitra meta staqsiet għall-gwida li ftit żmien qabel kien daħħalha fl-Ipoġew, imma qalulha li ma jafux bih u li dan qatt ma’ kien jaħdem hemm.
Ħafna għadhom jistaqsu sal-lum dwar x’kien ġara verament dakinhar u kif it-tfal baqgħu qatt ma nstabu.
L-iskoperta ta’ dan is-sit daret fl-1902 minn bennejja li kienu qed jiskavaw biex jibnu l-pedamenti ta’ binja ġdida. Waqt l-iskavazzjoni sabu dak li deher qisu santwarju ta’ taħt l-art. Meta aktar tard is-sit kompla jiġi skavat mill-arkeoloġisti kompliet tinkixef struttura magħmula minn tliet livelli imħaffra fil-ġebel.