Is-sitcom animata The Simpsons illum tagħlaq 30 sena minn mindu bdiet tixxandar fl-1989. Is-sitcom inħolqot minn Matt Groening għall-Fox Broadcasting Company u hija stampa satirika tal-ħajja tal-klassi tal-ħaddiema, simbolizzata mill-familja Simpson, li tikkonsisti minn Homer, Marge, Bart, Lisa u Maggie li jgħixu fil-belt mistħajla ta’ Springfield fl-Istati Uniti. The Simpsons jittrattaw sitwazzjonijiet dwar il-kultura u s-soċjetà Amerikana, it-televiżjoni u l-kundizzjoni umana fost suġġetti oħra.
Mid-debutt tas-sensiela 30 sena ilu s’issa xxandru 672 episodju ta’ The Simpsons. Hija l-itwal sitcom Amerikana li baqgħet għaddejja u l-itwal sensiela Amerikana kemm f’termini ta’ staġuni kif ukoll fin-numru ta’ episodji.

Kien ħareġ ukoll The Simpsons Movie, film ta’ tul normali, maħruġ fit-teatri madwar id-dinja fis-27 ta’ Lulju, 2007 fejn kellu dħul ta’ aktar minn $527 miljun. Imbagħad fit-30 ta’ Ottubru, 2007 inħareġ vidjo game. Bħalissa The Simpsons temm it-30 staġun li beda jixxadar f’Settembru li għadda.

The Simpsons l-aktar li tfaħħru kienu għad-disa’ u l-għaxar staġuni li huma meqjusa bħala s-Snin tad-Deheb għalihom. Il-magażin Time fil-31 ta’ Diċembru 1999 sejħet lis-sensiela bħala l-aqwa sensiela televiżiva tas-Seklu 20. Iżda f’dawn l-aħħar snin The Simpsons qed jaqla’ kritika negattiva fost akkużi ta’ nuqqas ta’ ideat ġodda u li qdiem għall-udjenzi tal-lum.

Minn naħa tiegħu Homer Simpson irnexxielu jdaħħal fil-lingwa Ingliża l-espressjoni D’oh! li hi wżata l-aktar miż-żgħażagħ li kibru waqt li kienu jaraw l-episodji fit-tfulija tagħhom … flimkien mal-ġenituri.
U bilħaqq, ma ninsewx lill-kelb Little Helper u lil Snowball, il-qattus iswed.

F’okkażjoni ta’ dan l-anniversarju, illum it-Tlieta l-istazzjon Taljan Italia Uno se jkun qed ixandar maratona ta’ 10 episodji wara xulxin li se jixxandar fis-1.45pm ‘il quddiem sal-ħin tas-6pm.
D’oh!