30 sena oħra l-kumpaniji jaf ma jħallsux taxxi – NGOs

Numru ta’ għaqdiet mis-soċjetà ċivili fl-Ewropa ppubblikaw rapport li fih huwa stmat li l-medja tar-rata tat-taxxa korporattiva  globali tkun ta’ 0% sal-2052.
Ir-rapport, bl-isem ta' Tax Games: the Race to the Bottom, jgħid li l-Gvernijiet jinsabu f’kompetizzjoni ma’ xulxin biex iniżżlu r-rata tat-taxxa għall-kumpaniji f’pajjiżhom. Jgħid li dawn l-istess Gvernijiet qed jippruvaw jilħqu l-għanijiet ambizzjużi tas-Sustainable Development Goals tal-Ġnus Magħquda tal-2030, iżda l-fondi li hemm bżonn biex dawn jintlaħqu dejjem qed jonqsu.
Skont l-istħarriġ li sar mill-NGOs, fl-1980 r-rata tat-taxxa tal-kumpaniji madwar id-dinja kienet ta’ 40% filwaqt li fl-2015 din niżlet għal inqas minn 25%.
Ir-rapport jgħid ukoll li s-sistema tat-tassazzjoni internazzjonali hija mimlija loopholes. Intqal li ċertu Gvernijiet jiġġustifikaw tnaqqis fit-taxxa bit-teorija li t-tnaqqis fid-dħul jiġi rkuprat miż-żieda fl-isforzi kontra l-evitar tat-taxxa.
Skont ir-rapport, il-Gvernijiet joffru segretezza, inċentivi fiskali, u loopholes għall-kumpaniji biex jevitaw milli jħallsu t-taxxi. Jgħid li l-Ewropa mhix qaddisa f’dan ir-rigward.
L-istess rapport jgħid li whistleblowers li jesponu l-korruzzjoni dwar l-evitar tat-taxxi qed jirriskjaw il-prosekuzzjoni. Bħala eżempju semmew il-LuxLeaks trials li qed isiru fil-Lussemburgu.
Ir-rapport isemmi wkoll li numru akbar ta’ pajjiżi qed jikkommettu ruħhom biex jikxfu minn huma l-veru sidien tal-kumpaniji.
Ir-rapport sar minn diversi għaqdiet fosthom il-Vienna Institute for International Dialogue and Cooperation (l-Awstrija), Centre national de cooperation au développement (il-Belġju), Netzwerk Steuergerechtigkeit (il-Ġermanja), u Tax Justice UK (ir-Renju Unit).
Fir-rapport kien hemm taqsimiet għal uħud mill-pajjiżi fl-Ewropa. Ma kienx hemm taqsima dwar Malta għalkemm issemmew il-MaltaFiles .
Il-MaltaFiles kienu ġew żvelati minn konsorzju ta’ ġurnalisti Ewropej li skoprew 150,000 dokument li skont huma juru li Malta qed tintuża bħala bażi għall-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus.