30 sena ilu wasal Malta l-Papa

    It-Tnejn 25 ta’ Mejju. Bħal-lum 30 sena ilu, kien beda l-vjaġġ ta’ tlett ijiem li l-Papa Ġwanni Pawlu II għamel f’Malta. Din kienet l-ewwel żjara li Ġwanni Pawlu II għamel f’pajjiżna u l-ewwel darba li Papa rifes fuq il-gżejjer tagħna.

    Kienu tlett ijiem ta’ ċelebrazzjonijiet kbar fil-pajjiż li matulhom il-poplu Malti u Għawdxi kollu laqa’ bi ħġaru lill-isqof ta’ Ruma u mexxej tal-Knisja Kattolika. Għalkemm il-gżejjer Maltin kienu minn tal-ewwel li fihom ixxandret l-Aħbar it-Tajba minn San Pawl madwar is-sena 60 WK, qatt sa dak iż-żmien ma kienet seħħet żjara bħal dik. 

    Matul dawn il-ġranet il-Papa, żar numru ta’ postijiet fosthom is-Santwarji tal-Mellieħa u ta’ Pinu u l-Grotta ta’ San Pawl ġewwa r-Rabat. Apparti l-viżti ta’ korteżija mal-awtoritajiet ċivili, il-Papa kien iltaqa’ mas-saċerdoti u r-reliġjużi, maż-żgħażagħ ġewwa Ta’ Qali, kif ukoll mar-rappreżentanti tax-xjenzi, l-arti u l-kultura ġewwa l-Knisja ta’ San Ġiljan.

    Aktar vjaġġi

    F’dawn l-aħħar 30 sena din iż-żjara kellha tkun l-ewwel minn erbgħa. Fl-2001 reġa’ ġie fostna Ġwanni Pawlu II bħala parti mill-Vjaġġ li hu kien qiegħed jagħmel fuq il-Passi ta’ San Pawl. Matul dan il-vjaġġ il-Papa bbeatifika l-ewwel tliet qaddisin Maltin, Adeodata Pisani, Nazju Falzon u Dun Ġorġ Preca. F’Ġunju 2007 Dun Ġorg ġie ddikjarat qaddis mill-Papa Benedittu XVI f’ċerimonja ġewwa l-Pjazza tal-Vatikan, li għaliha attendew ħafna Maltin u Għawdxin li ħadu tixriba papali.

    L-istess Benedittu XVI żar pajjiżna ftit tas-snin wara fl-2010 bejn is-17 u t-18 ta’ April 2010 u ftit anqas minn ġimgħa, bejn is-Sibt u l-Ħadd li ġej, kellu jkun fostna l-Papa Franġisku. Sfortunatament dan il-vjaġġ kellu jiġi pospost minħabba l-COVID-19.