30 sena ilu twaqqa’ l-Ħajt ta’ Berlin

Niftakar qisu lbieraħ. Kont fl-uffiċċju tiegħi fil-Media Centre. Kien filgħaxija. Is-CNN beda jagħti b’mod dirett xeni ta’ nies jaqbżu u jiżfnu fuq il-Ħajt ta’ Berlin. Il-Ħajt li kien l-okkażjoni ta’ dmugħ ta’ wġigħ u mwiet, issa sar l-okkażjoni ta’ dmugħ ta’ ferħ.

Anke jien bkejt bil-ferħ dakinhar.

Rajt żgħażagħ li minflok futur magħluq b’ħajt issa kellhom futur miftuħ. Rajt anzjani li ferħu li fl-aħħar snin ta’ ħajjithom setgħu jgħixu fil-libertà. Kienu għaddew wisq snin taħt il-madmad l-ewwel tan-Nazisti u wara tal-Komunisti. Rajt tfal li issa setgħu jgħixu f’dinja ħielsa.

Bkejt bil-ferħ.

Ħassejtni ridt ngħannaq miegħi lil dawk li kienu qed ikissru l-ħajt biex iżommu biċċa minnu bħala rikordju. Xtaqt inħaddan miegħi lil dawk li kienu qed jiffesteġġjaw.

Kull min iħobb il-libertà beka bil-ferħ dakinhar.

Kohl il-viżjonarju

Ftakart illum f’Helmut Kohl.

Il-politiku viżjonarju li kellu l-kuraġġ jgħaqqad il-Ġermanja. Il-politiku li għażel il-konvinzjoni mhux il-konvenjenza. Il-politiku li ma semax id-diskors taċ-ċiniċi u l-ekonomisti mijopiċi li qalu li kien aħjar li ż-żewġ Ġermanji ma jingħaqdux dak iż-żmien għax l-ekonomija tagħhom tant kienet differenti li ma setgħux ikunu pajjiż wieħed. Kohl baqa’ miexi. U mnalla għamel hekk.

Ġeddidt dawn l-emozzjonijiet meta sentejn ilu żort Berlin. Illum il-biċċiet li baqa’ mill-Ħajt saru postijiet li jżuru t-turisti. Iżda jkun dnub jekk ma jitqisux bħala tifkira u twissija. Qatt aktar ħitan, xtaqt ngħajjat iżda żammejt l-għajta fiha. Kont naf li se jibqa’ jkun hemm il-ħitan għax il-bniedem fid-dgħufija tiegħu hekk magħmul.  Jinsa u jirrepeti l-istess żbalji.

Il-mixja tkompli

Jirriżulta li l-ġenerazzjonijiet li twieldu jew għexu l-biċċa l-kbira ta’ ħajjithom wara li twaqqa’ l-Ħajt ma jiftakrux il-madmad Komunista u allura ma japprezzawx biżżejjed dak li għandhom illum.

Skont stħarriġ li ppubblika l-Gvern Ġermaniż f’Settembru li għadda, 38% biss ta’ dawk li jgħixu fil-Ġermanja tal-Lvant jgħidu li l-unifikazzjoni kienet suċċess. U minn dawk li huma taħt l-40 sena hemm 20% biss li jaħsbu l-istess. Id-differenzi ekonomiċi bejn il-Lvant u l-Punent huma sors ta’ ansjetà.

Il-libertà hija don fantastiku iżda l-ħobż huwa importanti wkoll. Il-libertà trid tkun imwieżna mill-ġustizzja soċjali.

Anke l-immigrazzjoni hija sors ta’ ansjetà. Dan jidher fiż-żieda fil-popolarità tal-partiti tal-Lemin Estrem mhux fil-Ġermanja biss iżda fil-bqija tal-Ewropa. Min kien kontra l-Ħajt u anke bata minħabba fih illum irid jibni ħitan oħra.

It-tifkira tat-twaqqigħ tal-Ħajt ta’ Berlin ma għandhiex tkun biss tifkira tal-passat. Għandha tkun tifkira li fejn ma tirrenjax il-ġustizzja soċjali ma tistax tirrenja l-libertà. Tifkira wkoll li meta l-libertà u l-ġustizzja soċjali ma jitqisux bħala dritt universali allura ma jistgħux jitgawdew tassew la min dawk li jkunu mċaħħda minnhom u lanqas min dawk li jaħsbu li jkollhom iż-żejjed minnhom.