Filmat: “30 sekonda oħra nitlaq” – Muscat

Għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt dwar jekk iddeċidiex meta se jitlaq mill-politika, il-Prim Ministru Joseph Muscat, minflok wieġeb, dawwar id-diskors.

“Fi 30 sekonda oħra nitlaq”, qal Muscat bi tbissima, b’referenza għat-tluq tiegħu mill-post li kien għadu kif żar. Imbagħad hu warrab lill-ġurnalista u telaq mill-post kif jixhed il-filmat.

Joseph Muscat kien qal diversi drabi li mhux se jkun qed jerġa’ jikkontesta elezzjoni oħra. Madanakollu, ilbieraħ, waqt il-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista, Dr Muscat ta x’jifhem li se jkun qed jibqa’ fit-tmexxija tal-Gvern u l-partit, meta assigura lil dawk preżenti li “Joseph mhux se jieqaf zopptu”. Għal dan il-kliem, l-udjenza qamet bilwieqfa ċċapċap għal din id-dikjarazzjoni.

Il-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt saret ukoll fid-dawl ta’ dak li qal id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Cardona waqt l-istess konferenza.

AQRA: Filmat: “Għandna bżonnok” – Cardona lil Muscat

Cardona fakkar lil Muscat dwar dak li kien qal meta laħaq mexxej tal-partit, “biex iħobbuh” u li dak kien li għamlu n-nies. Cardona qal li l-Partit Laburista għad għandu bżonn lil Joseph Muscat kemm bħala Prim Ministru kif ukoll bħala Mexxej tal-Partit Laburista.