30 qabar tal-massa misjuba fil-Congo

Fir-reġjun tal-Grand Kasai fil-Congo instabu 30 qabar tal-massa li fihom instabu l-katavri ta’ 3,383 persuna li nqatlu fi vjolenza mdemmija li hemm fl-inħawi minn Ottubru tas-sena li għaddiet ‘l hawn.
In-Nunzju Appostoliku ta’ Kinshasa qal li r-reġjun hu xxukkjat bil-ġlied bejn l-Armata tal-Congo u l-gruppi mmexxija minn Kamuina Nsapu, mexxej tar-ribelli.
Fir-reġjun, 20 raħal kienu distrutti totalment, 10 minnhom tfarrku minn membri tal-armata, 4 mir-ribelli armati u 6 oħra minn gruppi li għad ma ġewx identifikati. B’kollox kienu distrutti 3,698 dar. Anke l-Knisja ħallset prezz qares minn din il-vjolenza għax erba’ djċesijiet sfa vittmi.
Żewġ isqfijiet kellhom jeżiljaw ruħhom meta tkissrulhom djarhom. 60 parroċċa kellhom jagħlqu jew sfaw imfarrka u l-istess ġralhom 34 kunvent. Barra minn dawn 31 ċentru tas-saħħa mmexxija mill-Knisja intlaqtu mill-vjolenza filwaqt li 141 skola kattolika, kellhom jaagħlqu jew għandhom ħsarat kbar l-istess bħal ħames seminarji li kellhom  jagħlqu.
Il-Kap tat-Taqsima tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Prinċep Zeid Ra’ad al-Hussein qal li l-investigazzjonijiet fil-provniċja ta’ Kasai għadhom għaddejjin u barra l-oqbra tal-massa hemm evidenza wkoll ta’ persuni li nqatlu b’armi tan-nar, oħrajn inħarqu u oħrajn tħaġġru sal-mewt.
Sadattant l-awtoritajit lokali qed ifixklu l-ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti billi ma jagħtux informazzjoni dwar dak li qed iseħħ fir-reġjun. Il-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti qed jikkunsidra li jagħmel investigazzjoni indipendenti dwar din il-vjolenza wara r-rapport tal Prinċep al-Hussein li qal li qed jitwettqu atroċitajiet  orribbli f’Kasai.  Iżda l-awtoritajiet tal-Congo diġa’ ddikjaraw li mhux se jilqgħu din l-investigazzjoni.
Fl-aħħar sena, aktar minn miljun persuna kellhom jaħarbu mir-reġjun minħabba l-vjolenza u l-għajnuna umanitarja s’issa ma kinitx biżżejjed.