30 promozzjoni fil-Garaxx tal-Gvern mill-elezzjoni ’l hawn

Mill-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu 2013 sal-lum il-Gvern ħareġ 30 promozzjoni fil-Garaxx tal-Gvern fil-Marsa “biex jimtlew il-postijiet li kien hemm vakanti kif ukoll sabiex jissewwew ftit mill-inġustizzji li saru fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti”.
Il-Ministru tal-Infrastruttura Joe Mizzi qal dan fil-Parlament fi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina.
B’risposta għal mistoqsija separata dwar impjiegi fil-kumpanija tal-Gvern Malta Public Transport Ltd., Joe Mizzi qal li minn Marzu sa Ġunju ta’ din is-sena l-kumpanija mpjegat 25 xufier, bejjiegħ tal-biljetti u receptionist. Speċifika li dawn ġew impjegati wara li bagħtu curriculum vitae lill-kumpanija. Qal ukoll li dawn jinkludu 18-il persuna li kienu diġà impjegati mal-kumpanija qabel l-2014 u rritornaw mal-kumpanija. Qal ukoll li l-proċess ta’ reklutaġġ sar mid-dipartiment tar-riżorsi umani tal-kumpanija.