Nisa tqal fost 30 salvati u se jiddaħħlu Lampedusa

Twitter / Mediterranea Saving Humans

Il-bastiment Mare Jonio tal-għaqda mhux governattiva Mediterranea Saving Humans daħal fl-ibħra Taljani bi 30 persuna li ġew salvati madwar 40 mil ‘il barra mill-Kosta Libjana l-Ħamis waranofsinhar.

Il-midja Taljana qed tirrapporta li l-immigranti se jitniżżlu f’Lampedusa filwaqt li l-bastiment se jiġi ssekwestrat.

Mediterranea Saving Humans salva l-immigranti matul il-jum tal-Ħamis meta dawn sabu ruħhom f’diffikultà. Fost il-persuni salvati hemm ħames minuri fosthom tifla ta’ sena u żewġ nisa tqal.

L-għaqda poġġiet filmat fuq Twitter li juri l-bastiment Mare Jonio qed jiġi eskortat mill-Awtoritajiet Taljani l-Ġimgħa.

Il-Viċi Prim Ministru u l-Ministru għall-Intern Matteo Salvini, l-Ħamis reġa’ saħaq li l-portijiet tal-Italja huma magħluqa għall-bastimenti li jagħmlu ħidma ta’ tfittxija u salvataġġ ċivili.

Intant il bieraħ il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Magħquda għar-Refuġjati appella biex l-immigranti u r-refuġjati jiġu evakwati mil-Libja għall-post sigur.