30 minuta eżerċizzju kuljum fl-iskejjel kontra l-obeżità – Callus

Read in English.

Tletin minuta eżerċizzju mandatorju kuljum fl-iskejjel bħala pjan ta’ azzjoni kontra l-obeżità. Dan is-suġġeriment sar fil-parlament mid-deputat Nazzjonalista Ryan Callus waqt id-diskussjoni dwar l-estimi tal-Ministeru għas-Saħħa.

Hu staqsa jekk isirx infurzar dwar l-ikel li għandu jinbiegħu fl-canteens tal-iskejjel. Callus qal li Malta għandha t-tielet l-ogħla rata ta’ obeżità fl-Unjoni Ewropea.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Gvern għamel żewġ proposti biss fil-budget fosthom dwar it-toqol tal-basktijiet u jkun installati l-funtani għax-xorb tal-ilma fl-iskejjel.

Min-naħa tiegħu, l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li mis-sena d-dieħla, l-Gvern se jibda jittratta l-obeżità bħala marda patoloġika u se jibni pjan mediku biex jindirizza din il-problema.

Dwar l-ikel fil-canteens tal-iskejjel, il-Ministru Fearne qal li matul is-sena li għaddiet saru 120 spezzjoni li f’20 każ minnhom instab li l-iskejjel ma kienux qed ibiegħu ikel nutrittiv.