30: L-età medja tal-ommijiet f’Malta

Daria Shevtsova - Pexels

L-età medja tal-ommijiet li welldu tarbija fl-2017 kienet 30 sena. Din hija simili għaċ-ċifra rreġistrata fl-2016.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ħareġ ċifri ġodda fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Familji li qed jiġi ċċelebrat illum.  L-istess rapport juri li fl-2017 twieldu 4,319-il tarbija f’Malta. 82% minnhom kienu ċittadini Maltin. Ftit iktar minn nofshom kienu subien.

32%: L-ikbar mill-miżżewġin kellu bejn 30 u 34 sena

L-għadd ta’ żwiġijiet irreġistrati f’Malta u f’Għawdex naqsu minn 3,034 fl-2016 għal 2,934 fl-2017.  L-ikbar mill-miżżewġin kellu bejn 30 u 34 sena fi 32% taż-żwiġijiet. Dawn kienu segwiti minn dawk fejn l-ikbar mill-miżżewġin kellu bejn 25 u 29 sena.

66% tar-residenzi m’għandhomx tfal dipendenti

L-istess statistika turi li kien hemm żieda ta’ 33% fin-numru ta’ residenzi magħmula minn żewġ adulti u tifel jew tifla. Kien hemm żieda wkoll ta’ 26% fl-għadd ta’ familji b’żewġ adulti u żewġt itfal. Residenzi b’ġenitur wieħed b’iktar minn wild wieħed ikopru 12% tar-residenzi.  Barra minn hekk, in-numru ta’ residenzi bi tfal dipendenti żdiedu bi 12% mill-2013 sal-2017. 66% tar-residenzi m’għandhomx tfal dipendenti.

“9,000 mara  iktar jaħdmu; iż-żieda fil-pagi inqas minn tal-irġiel”

Skont l-istess rapport tal-NSO, fl-aħħar sitt snin, kien hemm 9,000 mara  iktar fid-dinja tax-xogħol.  Madanakollu, iċ-ċifri juru li l-pagi medji tan-nisa għadhom inqas minn dawk tal-irġiel. Il-pagi għan-nisa żdiedu bi ftit iktar minn €4,000 f’perjodu ta’ sitt snin. Il-pagi għall-irġiel żdiedu b’madwar €5,500.