30 kamra tan-nar jingħataw fondi biex tiżdied is-sigurtà

Ritratt: Malta International Fireworks Festival

30 kamra tan-nar li jaħdmu b’mod volontarju ser jibbenefikaw minn €170,000 f’fondi tal-Kunsill Malti għall-Arti biex tiżdied is-sigurtà fil-mod ta’ kif tinħadem il-piroteknika u sabiex tiżdied is-sigurtà tal-istess ħaddiema.

Il-Ministru għall-Arti José Herrera qal li s-settur tal-arti kreattiva, fejn jaħdmu madwar 10,000 ruħ, għaddej minn diffikultà u dan il-Gvern qed jirrikonixxih. Huwa sostna li dan is-settur kien fost l-ewwel li beda jintlaqat b’mod dirett mill-impatt tal-pandemija.

Eric Fenech mill-Kunsill Malti għall-Arti spjega li bħala Kunsill dejjem irrikonoxxew li l-festa Maltija kif ukoll l-arti tal-piroteknika huma parti importanti mit-tessut tal-kultura Maltija u għaldaqstant b’dawn il-fondi ser jgħinu lill-kmamar tan-nar jaħdmu f’post iktar sigur billi jinvestu f’infrastruttura u f’makkinarju li jagħmel ix-xogħol tagħhom aktar sigur.

Waqt il-konferenza stampa l-Għaqda Piroteknika Maltija rringrazzjat lill-Ministeru u lill-Kunsill Malti għall-Arti talli qed jgħinu lill-kmamar tan-nar Maltin permezz ta’ dawn il-fondi li ser imorru direttament għat-titjib fis-sigurtà fil-kmamar tan-nar.

Huma qalu li din is-sena l-kmamar tan-nar jinsabu f’diffikultajiet minħabba l-COVID-19 u għaldaqstant dawn il-fondi ser ikunu ta’ għajnuna kbira. Qalu li llum kull min jiffrekwenta l-kmamar tan-nar huwa liċenzjat u qed jattendu wkoll ċertu taħriġ.