Aġġornata: 30 familja “priġunieri f’darhom” minħabba xogħlijiet f’Ħal Lija

Residenti li joqogħdu fi Triq Lewis F Mizzi u Giovanni Curmi fl-Iklin ilmentaw ma’ Newsbook.com.mt li spiċċaw priġunieri f’darhom stess minħabba xogħol ta’ twessigħ fi Triq il-Kbira.
Ix-xogħol qiegħed isir bejn iċ-ċimiterju u r-roundabout ta’ Ħal Lija.
Wieħed mir-residenti, Alex Grech, qal li x-xogħol huwa bżonnjuż iżda saħaq li kien hemm nuqqas ta’ kordinament bejn il-periti tal-Gvern, Transport Malta u l-Kunsill Lokali tal-Iklin.
Grech qal li madwar 30 familja li joqogħdu fit-toroq imsemmija, spiċċaw bla aċċess biex jaslu d-dar bil-vetturi taghhom u qed ikollhom jiksu r-regoli tat-traffiku billi jidħlu toroq li huma one-way jew inkella jispiċċaw jirriversjaw it-triq kollha.
Kompla jgħid li anke t-trakkijiet tal-Gvern qed jidħlu one-way għax ma hemmx alternattiva.
Ilbieraħ Newsbook.com.mt tkellem mas-Sindku ta’ Ħal Lija, Magda Magri Naudi, li esprimiet rabja għax il-kunsill ma kienx infurmat bix-xogħlijiet u li kienu se jitqaċċtu s-siġar tal-ballut li kien hemm biswit ir-roundabout.
Il-Kunsill Lokali ma rċieva l-ebda ilment 
B'risposta għal mistoqsijiet ta' Newsbook.com.mt, il-Kunsill Lokali tal-Iklin qal li ma rċieva l-ebda ilment u ma rreġġistra l-ebda ilment mir-residenti.
Minkejja dan, il-Kunsill qal li ġaladarba residenti lmentaw ma' Newsbook.com.mt u seta' kien hemm ilmenti mal-Awtoritajiet, set ikun qed jagħmel monitoraġġ tas-sitwazzjoni.
Newsbook.com.mt qed jistenna tweġiba mill-Ministeru għat-Traffiku, l-Infrastruttura u Proġetti Kapitali u minn Transport Malta.