30 entità jappoġġjaw lill-Front Ħarsien ODZ

Fl-aħħar ġimgħat, Front Ħarsien ODZ ingħata l-appoġġ minn numru ta’ organizzazzjonijiet, bil-lista s’issa tinkludi 30 organizzazzjoni differenti.
Il-front qal li twaqqaf biex iħares siti ’l barra miż-żoni ta’ żvilupp (ODZ) bħal l-inħawi ta’ Żonqor, u l-għan mhux li jidduplika dak li kien qed isir imma li jgħaqqad sforzi differenti flimkien.
Waqt li stieden lil għaqdiet mhux governattivi, koperattivi u entitajiet oħra biex jingħaqdu miegħu, Front Ħarsien ODZ qal li hemm għaqdiet u persuni oħra li qed jappoġġjaw il-protesta nazzjonali ta’ għada, fosthom Din l-Art Ħelwa, artisti, akkademiċi, id-deputati Laburisti Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia, u l-grupp Parlamentari tal-PN.
Il-front fakkar li hu ma jappartjeni għal ebda partit politiku u li l-protesta ta’ għada għandha l-għan li tkun waħda paċifika, miftuħa għal dawk kollha li jemmnu li nħawi bħal Żonqor m’għandhomx jiġu mibnija u li l-wirt naturali għandu jiġi mħares għal-lum u għall-ġejjieni.