30%-40% tal-popolazzjoni fil-Ġermanja meqjusa f’riskju għoli

Germany-Testing-DW-Screenshot

Hekk kif qed noqorbu lejn sena minn mindu l-pandemija COVID 19 faqqgħet fiċ-Ċina lejn tmiem is-sena l-oħra, iċ-ċifra globali ta’ infezzjonijiet issa qabżet il-50 miljun skond ċifri li qed jinżammu mill-Università Johns Hopkins. L-università Amerikana qalet ukoll li t-total ta’ mwiet s’issa kien ta’ 1,255,000.

Ħafna pajjiżi u reġjuni madwar id-dinja inkluż l-Ewropa qed jaraw żieda fl-għadd ta’ każijiet, wara xhur fejn iċ-ċifri kienu donnhom bdew neżlin. Wieħed minn kull ħamsa effettwati minn din il-pandemija ġejjin mill-Istati Uniti, li għandha l-ikbar għadd ta’ każijiet fid-dinja.

Fil-Ġermanja, il-Ministru tas-Saħħa Jens Spahn qal li ħafna nies fil-Ġermanja huma meqjusa bħala “f’riskju għoli” minħabba l-età avvanzata tagħhom. Fil-fatt il-popolazzjoni tal-Ġermanja hija t-tieni l-ixjeħ popolazzjoni fid-dinja wara dik tal-Ġappun. F’kummenti lill-gażżetta popolari Bild, Spahn innota kif mard bħalma huma d-dijabete, pressjoni għolja u obeżità kienu mard komuni fil-Ġermanja bħal f’ħafna mill-pajjiżi żviluppati l-oħra.

“Dan il-mard kollu huwa fattur ta’ riskju għal dan il-virus kif ukoll għal mard ieħor li jittieħed,” qal Spahn. “Li kellna nbassru ċifra skond dawn il-fatturi, nistgħu ngħidu li bejn 30% u 40% tal-popolazzjoni tagħna hija fil-grupp ta’ dawk f’riskju għoli.”

Il-Ministru tas-Saħħa avża’ li ukoll jekk 2% ta’ l-20,000 każ ġdid ta’ kuljum kellhom jispiċċaw l-isptar, dan ikun ifisser 400 pazjent ġdid fl-isptarijiet kuljum, ħaġa li tkun ta’ piż kbir fuq is-sistema tal-kura tas-saħħa tal-pajjiż.