30,000 persuna f’Malta jbatu minn dipressjoni kronika

Madwar 30,000 persuna fil-gżejjer Maltin irrappurtaw li jbatu minn dipressjoni kronika.
Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Kummissarju tas-Saħħa Mentali qal li minn stħarriġ Ewropew, jirriżulta li r-rata ta’ dipressjoni kronika fin-nisa hi ogħla minn dik fl-irġiel.  
Ħareġ ukoll li f’Malta hemm relazzjoni bejn ir-rata ta’ dipressjoni u l-livell soċjo-ekonomiku tal-persuna.  Hu mifhum li dawk li għandhom livell baxx ta’ edukazzjoni huma disa’ darbiet aktar fir-riskju ta’ dipressjoni minn dawk b’edukazzjoni terzjarja.
Fid-dawl tal-mewt tal-attur Robin Williams, il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali jappella għas-sens ċiviku u biex inħarsu lil hinn mit-traġedja umana.
Qal li hu importanti li meta persuna tinnota li hemm xi ħaġa fiha nnifisha li mhix sew, ghandha titkellem ma xi professjonist bħat-tabib tal-familja kemm jista’ jkun malajr.  Jisħaq li huwa importanti li n-nies ta’ madwarha jkunu aktar sensittivi ghal dak li jgħidu u kif jaġixxu.
Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali sostna li l-persuni li għaddejjin minn perjodu ta’ dipressjoni għandhom ikunu trattati bħal persuni oħra bi kwalunkwe marda.