Ritratti: 3 żgħażagħ l-isptar wara ħabta f’Għajnsielem

Aġġornat 02:42 PM

Read in English.

Tliet żgħażagħ ittieħdu l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex wara li kienu involuti f’ħabta f’Għajnsielem.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li l-inċident seħħ ilbieraħ fil-11.30pm fi Triq ix-Xatt. Il-Pulizija marru fuq il-post u sabu li karozza ħabtet ma’ ħajt. Fil-karozza kien hemm żewġ passiġġieri, żagħżugħ ta’ 17-il sena residenti x-Xagħra u ieħor ta’ 19-il sena residenti Kerċem. Il-karozza kienet qed tinstaq minn żagħżugħ ta’ 18-il sena residenti x-Xagħra.

Fuq il-post issejħet l-assistenza tal-membri tal-Protezzjoni Ċivili u wkoll ta’ tim mediku.

Ambulanza ħadet lit-tliet żgħażagħ l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Filwaqt li ż-żagħżugħ ta’ 17-il sena ġie ċċertifikat li sofra minn ġrieħi gravi, is-sewwieq tal-karozza ma sofra l-ebda ġrieħi, filwaqt li ż-żagħżugħ ta’ 19-il sena sofra ġrieħi ħfief.

Il-Pulizija għadha qed tinvestiga l-każ.