3 żgħażagħ arrestati għax inqabdu bid-droga

CMRU

Tliet żgħażagħ inqabdu fil-pussess tal-kokaina u l-kannabis il-Fgura lbieraħ filgħaxija.

Dan ġara għall-ħabta tat-8.30pm.

Il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga waqqfet vettura li kienet ilha ssegwiha, peress li kellha informazzjoni li s-sewwieq kien fil-pussess ta’ droga, allegatament biex tiġi traffikata. Malli ċċirkondawha, il-pulizija arrestaw lis-sewwieq, żagħżugħ ta’ 24 sena residenti Marsaxlokk.

Minn tfittxija fil-vettura nstabu aktar minn 20 qartas b’sustanzi allegatament kokaina u kannabis, kif ukoll ammont ta’ flus kontanti.

Iż-żagħżugħ se jitressaq il-qorti fin-12.30pm quddiem il-Maġistrat Dr Caroline Farrugia Frendo.

Intant, waqt li kienet qiegħda ssir din it-tfittxija, il-pulizija nnutaw li fl-istess triq, kien hemm
vettura, b’żewġ żgħażagħ fiha li dehru qegħdin jaġixxu b’mod suspettuż. Għaldaqstant, il-pulizija avviċinawhom, u wara li saret tfittxija fil-vettura u fuqhom, instabu diversi pakketti,
allegatament kannabis.

Iż-żewġ żgħażagħ, wieħed ta’ 19-il sena u l-ieħor ta’ 21 sena, ġew arrestati u qegħdin jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana. L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.