3 żgħażagħ arrestati għall-vandaliżmu fuq statwa

Tliet żgħażagħ ġew arrestati minħabba l-att vandalu li wettqu fuq statwa ta’ Sant-Antnin li tinsab fil-Park tal-Familja ta’ Wied il-Għajn.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalu li wara jiem ta’ investigazzjonijiet mit-Taqsima tal-Patrimonju Kulturali l-Pulizija identifikat ġuvni ta’ 19-il sena ta’ nazzjonalità Franċiża, ġuvni ieħor ta’ nazzjonalità Ingliża ta’ 18-il sena u tfajla Maltija ta’ 17-il sena, li allegatament wettqu dan ir-reat.

Waqt l-investigazzjonijiet, il-Pulizija irnexxielha ssib ir-ras tal-istatwa ta’ Sant’Antnin fir-residenza fejn jgħixu ż-żewġ ġuvintur.

Il-każ kien l-ewwel irrappurtat mill-Parroċċa ta’ Marsaskala
Att vandalu fuq l-istatwa ta’ Sant’Antnin fil-Family Park

It-tfajla ġiet arrestata lbieraħ filgħaxija, waqt li ż-żewġ ġuvnitur ġew arrestati illum wara nofsinhar. Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-każ seħħ fis-6 ta’ Ottubru li għadda, f’xi d-9.30pm.

L-istatwa, li tinsab fuq iz-zuntier tal-kappella ddedikata lil Sant’ Antnin ta’ Padova, ġiet ivvandalizzata billi kemm ras l-istatwa Sant’Antnin, kif wkoll ras u idejn l-istatwa tal-Bambin, tqaċċtu minn posthom. L-istatwa ta’ Sant’Antnin taqa’ taħt l-Att Dwar il-Patrimonju Kulturali.