3 żgħażagħ arrestati f’San Ġiljan; inqabdu bid-droga

Miguela Xuereb

Tliet żgħażagħ Spanjoli ta’ 23 sena ġew arrestati wara li nstabu fil-pussess ta’ sustanzi suspettati droga ecstasy, raża tal-kannabis u ħaxixa tal-kannabis.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li huma ġew arrestati wara li l-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan marru fi blokka ta’ appartamenti fuq rapport ta’ storbju.

Kmieni dalgħodu, għall-ħabta tal- 4.15am, daħal rapport mill-pubbliku dwar storbju li kien ġej minn appartament fi Triq il-Mensija, San Ġiljan. X’ħin waslu fuq il-post, il-Pulizija taw struzzjoni lill-persuni li kienu fl-appartament sabiex jinżlu isfel, iżda dawn irriffjutaw.

B’assistenza ta’ xi ġirien, il-Pulizija daħlu fil-binja u meta telgħu fit-tieni sular, daħlu flappartament u sabu lit-tliet żagħżagħ. Minn tfittxija li saret fl-appartament instabu sustanzi suspettati droga.

It-tliet Spanjoli kienu arrestati u ittieħdu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija mid-Distrett ta’ San Ġiljan dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.