3 snin ta’ prova għall-maniġer li seraq €7,000 mir-ristorant

Eks maniġer ta’ stabbiliment tal-fast food, li seraq madwar €7,000 mill-istess ħanut fil-Belt Valletta, ngħata 3 snin ta’ prova.

Ir-Rumen ta’ 31 sena, residenti l-Mellieħa, ammetta għal li għamel 3 xhur ilu u nżamm fil-kustodja sakemm inħareġ ir-rapport ta’ qabel is-sentenza.

Il-prosekuzzjoni spjegat kif filmati tas-sigurtà wrew lir-Rumen jisraq, u dan imbagħad ġie arrestat fl-ajruport, hekk kif kien se jaqbad l-ajruplan lura lejn pajjiżu.

Fir-rapport, ġie rrakkommandat li l-akkużat jingħata xi snin ta’ prova biex ikun jista’ jfittex għajnuna dwar il-vizzju ta’ logħob tal-azzard tiegħu, biex ikun hemm inqas riskju li jerġa’ jwettaq xi reat.

Għalhekk l-akkużat ingħata 3 snin ta’ prova u 3 snin ta’ trattament għall-vizzju tiegħu.

Il-Maġistrat Gabriella Vella kkunsidrat ukoll li kellu kondotta nadifa, li qal li kien ħati sa mill-bidu, u li kellu problema serja ta’ vizzju, kif ukoll il-fatt li kien ta l-flus kollha li kien seraq lura.