3 snin sakemm tagħlaq il-landfill tal-Għallis

Il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera qal li fadal massimu ta’ tliet snin sakemm il-landfill tal-Għallis tiġi magħluqa.
Il-Ministru qal dan fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo fejn staqsa kemm fadal żmien biex fil-post fejn qed jiġu ddepożitati l-boroż is-suwed tal-iskart, l-Għallis, jimtela kollu u jingħalaq.
Il-Ministru Herrera spjega li minn stima li saret mill-Wasteserv jidher li l-volum ta’ spazju li fadal għar-rimi fil-landfill tal-Għallis huwa ta’ madwar miljun metru kubu.
Kompla jispjega li bbażat fuq rata preżenti ta’ rimi ta’ skart, dan il-volum għandu jservi minn sentejn u nofs sa massimu ta’ tliet snin.