“3 snin ilu tajt parir li darras lil ħafna” – Alfred Sant

Read in English.

L-Ewroparlamentari Laburista Alfred Sant qal li aktar minn tliet snin ilu, meta kienu għadhom kemm ħarġu fil-beraħ l-istejjer tal-Panama Papers, kien ta parir li darras lil ħafna.

Ir-rivelazzjonijiet fid-dokumenti kienu li l-Ministru Konrad Mizzi u l-eks-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri kellhom kumpaniji offshore fil-Panama.

Fuq Facebook Sant sostna li Malta għadha qed tipprova tistejqer minn dik li sejħilha “telenovela” politika u kriminali li ħakmitha fil-jiem li għaddew. Qal li meta skandlu jitħalla jtektek tant li jieħu n-nar, iċ-ċans huwa li tqum aktar minn vampa waħda. Spjega li aktar kemm jgħaddi żmien, aktar qed jiskattaw episodji ġodda li jkomplu jgħarrqu s-sitwazzjoni. Qal li ma hemm xejn aktar perikoluż minn hekk.

Insista li “dak li jservi biex iqanqal taħwid u dnubiet jinqala’ ‘l barra malajr kemm jista’ jkun.” Qal li dan kien il-parir li kien ta tliet snin ilu u li ġie injorat. Temm jgħid “u ara x’ġara”.

X’inhuma l-Panama Papers?

Kien f’April 2016 li l-ICIJ flimkien ma’ aktar minn 100 kamra tal-aħbarijiet, ippubblika l-Panama Papers, dik li titqies bħala l-akbar investigazzjoni ġurnalistika tal-istorja.
Meta d-dokumenti ħarġu fil-pubbliku, Malta kellha 714-il kumpanija offshore msemmija, jiġifieri t-tmien l-aktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea.

Fl-2017, is-sidien ta’ Mossack Fonseca, il-kumpanija li kienet tipprovdi biex jinħolqu l-kumpaniji offshore fil-Panama, Ramón Fonseca u Jürgen Mossack, ġew arrestati minħabba akkużi ta’ ħasil ta’ flus fil-Brażil.

Ir-rivelazzjonijiet f’dawn id-dokumenti messew lil Malta mill-qrib, bil-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, jinstab li kellhom dawn it-tip ta’ kumpaniji fil-Panama minn trusts fi New Zealand.

Dak żvelat wassal ukoll għal ħames inkjesti maġisterjali f’Malta, fost l-oħrajn fil-konfront ta’ Schembri u Mizzi.

Twaqqaf ukoll il-Kumitat PANA fi ħdan il-Parlament Ewropew, speċifikament biex jinvestiga l-Panama Papers.