3 snin ħabs wara li pprova joqtol raġel f’Paceville

Raġel ta’ 50 sena minn Bormla ngħata sentenza ta’ tliet snin priġunerija wara li nstab ħati li fl-2013 ipprova joqtol raġel barra stabbiliment tad-divertiment f’Paceville.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera nnutat li l-akkużat, Spiridione Costa, ma tgħallimx mill-passat tiegħu, minkejja li qatta’ xi żmien il-ħabs.
Il-każ imur lura għal Diċembru tal-2013 fis-1am meta nqalgħet ġlieda f’bar f’Paceville, hekk kif ċertu Karl Grima talab lill-akkużat biex jagħtih il-lighter lura, u l-akkużat ħareġ flick knife.  Il-ġlieda kompliet fuq barra tal-bar.
Il-Qorti ddeċidiet li l-verżjoni tal-vittma kienet ikkonfermata minn żewġ xhieda oħra, u li l-akkużat kien fis-sakra.
Sabet lill-akkużat ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih u li kien reċediv.