3 snin ħabs wara li attakka 3 pulizija

Raġel ta’ 28 sena ġie kkundannat tliet snin ħabs wara li nstab ħati li ta’ daqqa ta’ flixkun lill-pulizija li mar biex jarresta lil ħuh f’każin tal-banda f’Ħal Qormi.

Ir-raġel kien akkużat li fl-24 ta’ Ġunju 2011, fil-każin u barra kkaġuna feriti ta’ natura gravi fuq surġent, u żewġ kuntistabbli.

Skont il-provi li tressqu fil-Qorti, il-Pulizija qalet li ġiet imsejħa biex tmur fil-klabb tal-boċċi ta’ Ħal Qormi minħabba li kien hemm ġlieda bejn żewġ persuni. Waħda minn dawn il-persuni li tiġi ħu l-akkużat tefgħet lill-persuna l-oħra mal-art, tatha xebgħa u kissret il-Hi-Fi tal-post. Kif waslu fuq il-post il-pulizija ġiet infurmata li l-ġlieda waqqfet wara li, lil ħu l-akkużat ħarġuh ‘il barra.

Il-Pulizija kompliet tispjega li kif kienu għadhom fiż-żona ġew infurmati li kien hemm ġlieda fil-każin tal-banda ta’ San Ġorġ. Meta marru fuq il-post, il-Pulizija sabu lil ħu l-akkużat. Żiedu li r-raġel kien imdawwar bin-nies u kif marru biex jarrestawh dan ġie aggressiv u biex tlibsulu l-mannetti, il-pulizija kellha tuża l-pepper spray.

F’dan il-mument tfaċċa l-akkużat u minn wara ta daqqa ta’ flixkun fuq ras is-surġent. Is-Surġent kellu bżonn assistenza medika.

Fis-sentenza tiegħu l-Maġistrat qal li skont il-provi li tressqu quddiemu, l-akkużat kien fis-sakra u attakka lill-pulizija fost id-dagħa u l-għajjat fil-pubbliku. Il-Maġistrat qal li kull att vjolenti kontra uffiċjali pubbliċi għandu jkun ikkundannat bil-qawwa tal-liġi u l-ġustizzja.

Dwar dawn l-akkużi, il-Maġistrat ikkundanna lill-akkużat tliet snin ħabs, dwar l-akkużi l-oħra l-Maġistrat qal li l-każ għadu qed jiġi investigat mill-pulizija.