3 snin ħabs talli wettaq 2 serqiet fil-Gżira

Raġel weħel tliet snin ħabs talli wettaq żewġ serqiet minn ħanut u lukanda fil-Gżira, fejn seraq ‘il fuq minn €1,000.

Ir-raġel ta’ 30 sena tressaq quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud akkużat li fis-17 ta’ Jannar seraq €420 minn ħanut tal-kebabs fil-Gżira, fejn żamm lil raġel kontra l-volontà tiegħu. Huwa kellu fuqu arma taqta’ u bil-ponta.

Fis-6 ta’ Jannar seraq ukoll €650 minn lukanda fil-Gżira, u wettaq atti vjolenti fuq il-persuni preżenti, li żammhom kontra l-volontà tagħhom, b’arma taqta’ u bil-ponta wkoll.

Huwa wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Għaldaqstant, il-Maġistrat ikkundannah għal tliet snin priġunerija u multa ta’ €234.