3 snin ħabs għar-raġel li seraq il-karozza ta’ qassis

Raġel ġie kkundannat tliet snin ħabs wara li ammetta li fil-5 ta’ Frar li għadda seraq karozza minn Triq Alessio Erardi f’Ħaż-Żabbar.

Fil-Qorti ħareġ fil-5 ta’ Frar li għadda għall-ħabta tat-3pm, ir-raġel seraq iċ-ċvievet tal-karozza tal-qassis mill-Kappella tal-Knisja tas-Salib Imqaddes f’Ħaż-Żabbar. Huwa kien akkużat ukoll li għall-ħabta tal-4.30pm għamel ħsara fuq karozza fi Triq il-Farfett il-Marsa u li għamel użu minn karozza mingħajr polza tal-assikurazzjoni dwar riskji ta’ terzi kif ukoll li rrenda ruħu reċediv.

Ir-raġel ammetta l-akkużi kollha kontrih u għalhekk il-Qorti kkundannatu tliet snin ħabs. Fil-Qorti ħareġ li r-raġel għandu problema serja tad-droga u għalhekk poġġiet lill-akkużat taħt ordni ta’ Trattament għal żmien ta’ tliet snin u rrakomandat lid-Direttur tal-Ħabs biex jingħata l-għajnuna meħtieġa sabiex jirriabilita ruħu mill-vizzju tad-droga.