3 snin ħabs għar-raġel li ffroda lil Silvio Parnis

Ir-raġel li ġie akkużat li ffroda lis-Segretarju Parlamentari, Silvio Parnis, instab ħati u ntbagħat tliet snin ħabs.
Keith Felice ta’ 28 sena warrab għalih €5,000 meta mar jixtri minn ħanut l-Iklin u qal lill-ħaddiema li bagħtu Silvio Parnis.
Fil-Qorti nstema’ li ta’ Felice, mar bosta drabi f’dal-ħanut jixtri u ma jħallasx b’din l-iskuża meta kien jaħdem bħala messaġġier fis-segretarjat ta’ Parnis.
Huwa qal li kien qed ibigħ l-oġġetti li jakkwista sabiex isostni l-vizzju tad-droga. Fil-Qorti xehed li familtu keċċietu minn daru, u ma kellu mkien fejn jgħix.
Il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera talbet li fiż-żmien li jkun il-ħabs jingħata l-għajnuna kollha neċessarja biex jegħleb l-isfida tad-droga.