3 skejjel irriċiklati minn baġit preċedenti – Adrian Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li tliet skejjel li ssemmew li se jinbnew fil-Baġit għas-sena d-dieħla, kienu diġà ssemmew fil-Baġit preċedenti. 
Fil-jiem li għaddew, Newsbook.com.mt ippubblika ritratti ta’ sitt skejjel li kellhom jiftħu għall-istudenti f’Settembru li għadda, iżda mhux talli għadhom ma tlestewx, iżda wħud għadu ma bediex ix-xogħol fuqhom, jew saħansitra ma ġiex identifikat is-sit.
F’diskors qasir li għamel fil-Mosta dalgħodu, Dr Delia rrefera għas-sitwazzjoni kurrenti tal-għalliema, bl-Unjin tal-Għalliema (MUT) issejjaħ il-kriżi tal-għalliema bħalissa, bħala waħda mingħajr preċedent.
L-avukat Delia qal li l-Gvern qed jagħti l-impressjoni li qed jisma’ lill-għalliema iżda b’arroganza ma jittrattahomx b’dinjità.
Filwaqt li ddeskriva l-edukazzjoni bħala pedament ta’ dak li se jkunu t-tfal ta’ Malta ta’ għada, jistaqsi kif se tkun is-sitwazzjoni fis-setturi l-oħra jekk f’pilastru tant importanti, bħall-edukazzjoni, il-Gvern ma ħaseb f’xejn.
Dwar it-trasport, Delia saħaq li n-nies mhumiex interessati f’ċifri iżda dwar kemm se jdumu biex jaslu minn post għall-ieħor. Il-Kap Nazzjonalista qal li t-trasport huwa pjaga li qed tgħerri liċ-ċittadini.
Delia qal li jistieden lill-Gvern biex iż-żewġ partit jpoġġu bilqiegħda biex jiddiskutu. Spjega li wara li jirrikonoxxu li hemm problema, dawn imbagħad jistgħu jibdew isibu s-soluzzjonijiet.
Tkellem ukoll dwar il-pensjonanti, u saħaq li dawn in-nies mhumiex numri iżda nies li ħadmu għall-Malta. Fisser li mhux qed ikollhom is-serħan il-moħħ li se jkunu jistgħu jgħixu fid-dinjità. Fi kliem Delia, il-Gvern qed jidħaq bin-nies biż-żieda ta’ €2 fil-pensjoni. Qal li s-soluzzjoni għall-pensjonanti tal-Gvern kienet li dawn għandhom jbiegħu djarhom. Fakkar kif qabel, f’Malta kien hawn rata għolja ta’ nies li kellhom dar tagħhom.
Adrian Delia enfasizza li l-miżuri li tħabbru fil-Baġit jagħtu l-impressjoni li l-Gvern mhux qed jaħseb għall-futur.
Reazzjoni tal-PL
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni lanqas jekk iridx jgħin lill-gvern jew le ma jaf jiddeċiedi. Spjega kif it-Tnejn qal li “l-Oppożizzjoni trid tgħin Gvern bla pjan” u li llum qal li “aħna mhux qegħdin hemm biex ngħinu lill-Gvern, imma biex nikkritikawh.”
Ritratti: PN